Lezzjoni II: S.Ġwann Fisher u S. Tumas More

Fl-istess jum 22 ta’ Ġunju SAN ĠWANN FISHER, ISQOF, U SAN TUMAS MORE, MARTRI.

TIFKIRA

Ġwann Fisher twieled fl-1469, studja t-teoloġija f’Cambridge fejn wara sar kanċillier tal-Università. Ġie ordnat saċerdot, u mbagħad fl-1504 inħatar isqof ta’ Rochester. Kien jgħakkes ħafna lilu nnifsu u kien sikwit iżur il-fidili tiegħu. Ħalla wkoll xi kitba kontra l-iżbalji ta’ żmienu.

Tumas More twieled fl-1477 u studja f’Oxford. Kien miżżewweġ u kellu tifel u tlitt ibniet. Sar Kanċillier tas-saltna. Xandar kotba dwar it-tmexxija tajba tal-istat u d-difiża tar-reliġjon. Il-Papa Ġwann Pawlu II fl-2000 iddikjarah patrun tal-politiċi.

Fl-1535 Enriku VIII kkundannahom għall-mewt għax waqfulu sħiħ fil-kwistjoni tad-divorzju tiegħu minn martu; lil Ġwann Fisher qatgħulu rasu fit-22 ta’ Ġunju, u lil Tumas More fis-6 ta’ Lulju. Waqt li l-isqof Ġwann Fisher kien il-ħabs, il-Papa Pawlu III għamlu kardinal.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittra ta ’ San Tumas More miktuba fil-ħabs lil bintu Margaret

B ’tama sħiħa nafda ruħi f ’idejn Alla

Margaret, jiena naf biżżejjed li l-ħażen tiegħi hu hekk kbir li jistħoqqli li Alla jħallini niġġarraf, imma jiena ma nistax ma nafdax fit-tjieba u l-ħniena tiegħu Sal-lum il-grazzja tiegħu tatni l-qawwa u jiena ferħan f’qalbi li lest biex nitlef il-ġid kollu tiegħi, il-proprjetà kollha li għandi, saħansitra l-istess ħajti, biex ma naħlifx kontra dak li tgħidli l-kuxjenza tiegħi: il-grazzja ta’ Alla ġiegħlet lir-re wkoll ikun twajjeb u ħanin miegħi, tant li sa issa ċaħħadni biss mill-libertà tiegħi. Din l-għajnuna ta’ Alla se tkun ta’ tant ġid għal ruħi li, naħliflek, fost il-ħafna ġid u unuri li tani r-re, naħseb li l-aqwa wieħed hu dak li tefagħni fil-ħabs. Ma nistax għalhekk naqta’ qalbi mill-grazzja ta’ Alla; jiena żgur li Alla, jew iħalli lir-re jżomm il-fehma li għandu li ma jagħmillix aktar deni, jew (jekk jogħġbu li minħabba dnubieti l-oħra jien inbati għal kawża li ma jistħoqqlix inbati għaliha) jagħtini li nilqa’ bis-sabar, u bil-ferħ ukoll, kull xorta ta’ tbatija. B’dan il-mod, fit-tjieba kbira tiegħu, il-Mulej, għall-merti tal-passjoni kiefra li hu bata, merti li huma wisq aqwa mill-merti li nista’ nikseb għal dak li se nġarrab, hu jeħlisni mill-pieni tal-purgatorju, u jagħtini premju aqwa  fis-sema.

Meg, ara qatt taħseb li jien se nonqos mill-fedeltà lejn Alla, għalkemm inħossni dgħajjef ħafna. Iva, jekk il-biża’ tiegħi jasal; biex jegħlibni, jien niftakar f’San Pietru: minħabba buffura riħ beża’ li jegħreq għax il-fidi tiegħu kienet dgħajfa; jiena nagħmel bħalu u nsejjaħ lil Kristu u nitolbu l-għajnuna. U nittama li jnewwilli idu u, f’nofs baħar imqalleb, jgħinni biex ma negħreqx. Anzi, ħallini nagħmilha ta’ San Pietru ftit aktar, biex naqa’ sal-art u nibda naħlef u nidgħi – jalla l-Mulej, għall-merti tal-passjoni tiegħu, jeħlisni minn waqgħa bħal din! Ħa nintilef jekk naqa’ daqshekk, u mhux neħles mit-tiġrib! Iżda b’danakollu, jiena zgur li l-Mulej jixħet fuqi l-għajnejn tiegħu ta’ ħniena, kif għamel ma’ San Pietru, u jerġa’ jerfagħni, biex nistqarr mill-ġdid il-verità, skond ma tgħidli l-kuxjenza, u nġarrab il-mistħija tal-ħsara li nkun għamilt ħtija tiegħi.

Fl-aħħarnett, Margaret, jiena naf li Alla m’hux se jħallini nintilef, mingħajr ħtija tiegħi; għalhekk b’tama sħiħa nafda ruħi f’idejh għalkollox. U jekk minħabba ħtijieti jħallini nintemm, it-tmiem tiegħi jkun ta’ tifħir għall-ġustizzja tiegħu. Imma jiena nemmen, Meg, li hu, fit-tjieba u l-ħniena tiegħu, iħarisli l-imsejkna ruħi, biex juri fija l-ħniena tiegħu. Għalhekk, għażiża binti,

toqgħodx tinkwieta ruħek għall-ebda ħaġa li tista’ żżommni f’din id-dinja. Xejn ma jiġri jekk Alla ma jridux. U jiena nemmen li dak li Alla jrid, ukoll jekk lilna jidhrilna li hu xi ħaġa ħażina, fil-fatt ikun dejjem l-aħjar ħaġa għalina.

RESPONSORJU

1. Il-martri ta’ Kristu waqt it-tiġrib tagħhom, huma u jikkontemplaw is-sebħ tas-smewwiet jgħidu: * Għinna, Mulej, biex bla tebgħa nwasslu għat-tmiem l-

għemil tiegħek.

2 . Ħares lejn il-qaddejja tiegħek u lejn kull ma għamilt *Għinna, Mulej; biex bla tebgħa nwasslu għat-tmiem l-għemil tiegħek.

Talba

O Alla, int ridt li l-martirju jkun xhieda perfetta tal-fidi vera: fit-tjieba tiegħek, agħtina li, bit-talb ta’ San Ġwann Fisher u ta’ San Tumas More, aħna nimtlew

bil-qawwa, biex inwettqu bix-xhieda ta’ ħajjitna l-fidi li nistqarru bil-fomm. B’Ibnek.