Lezzjoni II: San Pawlinu ta’ Nola

22 ta’ Ġunju SAN PAWLINU TA’ NOLA, ISQOF

TIFKIRA

San Pawlinu twieled f’Bordeaux, Franza, fis-sena 355, minn familja Rumana. Missieru kien Prefett Ruman, jikkmanda Provinċji fl-Italja u fi Franza u kellu ħafna propjetà fiż-żewġ pajjiżi. Pawlinu studja l-letteratura, laħaq konslu, iżżewweġ  lil Terasja li kienet Nisranija minn familja nobbli Spanjola; ftit wara tgħammed minn idejn San Delfinu, l-Isqof ta’ Bordeaux. Kellhom tifel wara ħafna snin. Wara l-magħmudija u l-mewt tal-uniku tifel tiegħu, irtira flimkien ma’ martu fi Spanja fejn għaddew ħajja ta’ talb, studju u penitenza. Fis-sena 393 qabad ħajia monastika u mar Nola qrib Napli, fil-Campania u ġie maħtur isqof tal-post fis-sena 409. Xerred il-qima lejn San Feliċ, waqaf mal-pellegrini, u fittex ħafna li jgħin lill-imsejkna kollha ta’ żmienu. Wera kuraġġ u qawwa fl-invażjoni tal-Goti. Magħruf l-aktar għall-poeżiji u l-ittri tiegħu. Miet fis-sena 431.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri ta’ San Pawlinu ta’ Nola, isqof

Alla juri kullimkien l-imħabba tiegħu għal uliedu

Din hi l-imħabba tassew, din hi t-tjieba vera li inti qiegħed turi li għandek għalija, sidi qaddis u hieni, tani li nixtieq inkun dejjem miegħek.

Permezz ta’ Ġiljan, il-qaddej tiegħi, li ġej minn Kartaġni, irċevejt l-ittra tiegħek: urietni qdusitek f’dawl liema bħalu, u ħassejt li qisni kont ili nġarrab imħabbtek minn żmien ilu, u mhux issa biss sirt naf biha. Din imħabbtek ġejja minn Alla, li mill-bidu ppredestinana għalih, u fih issawwarna qabel twelidna, għaliex hu ħalaqna u aħna tiegħu, u hu jagħmel kull ma jkollu jsir. Għamilna Alla bil-qawwa tiegħu u kien jafna qabel ħalaqna; għamilna ħaġa waħda flimkien fir-rieda u fil-fidi tagħna, fil-fidi f’Alla wieħed; ħalaqna biex, qabel ma konna nafu ’l xulxin, inkunu ħaġa waħda flimkien fl-imħabba; permezz tar-rivelazzjoni tal-Ispirtu, sirna nafu ’l xulxin qabel ma rajna ’l xulxin.

Nifirħu u nithennew fil-Mulej wieħed, li juri f’kull imkien l-imħabba tiegħu għal uliedu; is-swieqi tax-xmara tiegħu, jiġifieri l-Ispirtu qaddis li jsawwab fuq il-ħolqien kollu, iferraħ il-belt tiegħu, fejn qiegħdek, bħala suċċessur tal-Appostli, mexxej mal-kbarat talpoplu tiegħu. Hu ried li jien ukoll ikolli l-istess xorti tiegħek, hu li jqajjem mit-trab l-imsejken u jerfa millmiżbla l-fqajjar; iżda jien nifraħ aktar għaliex lili tani l-grazzja li jkun hemm post għalija f’qalbek, u għoġbu

jorbotni miegħek b’rabta hekk tal-għaġeb li jiena dejjem żgur mill-imħabba u l-fedeltà tiegħek. Ma jistax ikun li noqgħod naħsibha għandix inħobbok jew le ma

jistax ikun li mħabbti għalik tkun xi ħaġa żgħira, wara dak kollu li int għamilt għalija, wara r-rigali li inti bgħattli.

U biex tkun taf kollox fuqi, ngħidlek li sa ftit ilu jien kont midneb kbir; m’ilux li ruħi ħarġet mid-dlamijiet u mid-dell tal-mewt u ħadet in-nifs tal-ħajja; ftit ilu biss meddejt idejja għall-moħriet u rfajt is-salib tal-Mulej, u nittama li nibqa’ nerfgħu sal-aħħar; bl-għajnuna tat-talb tiegħek. Ħa jitkattru l-merti tiegħek, jekk, bl-għajnuna tiegħek, jeħfief il-piż tiegħi l-qaddis li jgħin lil wieħed imġarrab – ma nissugrax nissejjaħ ħuk jitgħolla qisu xi belt kbira.

Bħala sinjal tal-għaqda bejnietna qed nibgħatlek din il-ħobża waħda: hi sinjal li jfisser il-misteru tat-Trinità qaddisa? Alla wieħed fit-Tliet Persuni. Ilqagħha bil-qalb, jekk jogħġbok, din il-ħobża tal-barka.

RESPONSORJU                                                        Sir. 31:8. 11a. ara 10

1. Hieni l-għani li nstab bla ħtija, li ma fittixx l-għana u ma ttamax fil-flus. * Għalhekk ġidu qiegħed fis-sod għand il-Mulej.

2. Seta’ jidneb, imma ma dinibx, jagħmel id-deni, iżda ma għamlux: * Għalhekk ġidu qiegħed fis-sod għand il-Mulej.

Talba

O Alla, int ridt li l-isqof San Pawlinu ta’ Nola jkun magħruf għall-imħabba tiegħu lejn il-fqar u għall-ħrara li kellu bħala ragħaj spiritwali: fit-tjieba tiegħek, agħtina

li, bħalma niċċelebraw il-merti tiegħu, hekk ukoll insiru nixbhuh fl-imħabba. B’Ibnek.