Il-Papa jirrakonta ġrajja ta’ miraklu li ra fl-Arġentina

Waqt l-Udjenzja Ġenerali tiegħu tal-Erbgħa 12 ta’ Mejju, il-Papa Franġisku tkellem dwar ġrajja ta’ fejqan strordinarju li huwa stess ra’ meta kien Isqof fl-Argentina.

Qed niftakar f’ħaġa li għextha mill-qrib, meta kont fid-djoċesi l-oħra. Kien hemm koppja li kellha bint ta’ disa’ snin, b’marda li t-tobba ma kinux jafu x’inhi. U fl-aħħar, fl-isptar, it-tabib qal lill-omm: “Sinjura, sejjaħ lil żewġek”. U żewġha kien ix-xogħol; kienu ħaddiema, jaħdmu l-ġranet kollha. U qal lill-missier: “It-tifla mhix ħa tvinċi l-lejl kollu. Għandha infezzjoni, ma nistgħu nagħmlu xejn”.

“Qed niftakar f’ħaġa li għextha mill-qrib, …”

Dak ir-raġel, forsi ma kienx imur kull nhar ta’ Ħadd il-quddiesa, imma kellu fidi kbira. Ħareġ jolfoq, ħalla lil martu hemm mat-tifla l-isptar, qabad it-tren u għamel sebgħin kilometru ta’ distanza biex mar fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Luján, il-Patruna tal-Arġentina. U hemm – il-bażilika kienet diġà magħluqa, kienu kważi l-għaxra ta’ billejl, ta’ filgħaxija – hu ggranfa mal-kanċell tal-Bażilika u għadda l-lejl sħiħ jitlob lill-Madonna, jissielet għall-ħajja ta’ bintu. Din mhix fantasija; rajtu jien b’għajnejja! Għextha jien. Rajtu lil dan ir-raġel jitqabad hemm. Fl-aħħar, fis-6.00am, fetħet il-knisja u hu daħal isellem lill-Madonna: għadda l-lejl sħiħ “jitqabad”, u mbagħad mar lura d-dar. Meta wasal, fittex lil martu, imma ma sabhiex u ħaseb: “Telqet. Le, il-Madonna ma tistax tagħmilli hekk”. Imbagħad sabha, bi tbissima fuq fommha, u qaltlu: “Ma nafx x’ġara; it-tobba qalulna li ħabta u sabta qalbet għall-aħjar u li issa fieqet”. Dak ir-raġel tqabad fit-talb u rċieva l-grazzja tal-Madonna. Il-Madonna semgħetu. U dan rajtu jien b’għajnejja: it-talb jagħmel il-mirakli, għax it-talb jinfed sewwasew fil-qalba tal-ħlewwa ta’ Alla li jħobbna bħal missier. U meta ma jagħtiniex il-grazzja, jagħtina oħra li mbagħad narawha biż-żmien. Imma dejjem hemm bżonn tat-taqbid fit-talb biex nitolbu l-grazzja. Iva, xi drabi aħna nitolbu grazzja li niġu bżonn, imma nitolbuha hekk, bla ħajra ta’ xejn, bla ma nitqabdu, imma l-affarijiet serji mhux hekk titlobhom. It-talb hu taqbida u l-Mulej hu dejjem magħna.

Ara d-diskors kollu tal-Papa Franġisku …

https://www.laikos.org/papa_frangisku_udjenza_12052021.htm

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.