Mhux jaħdimli l-kemo!

Niftakarni meta dħalna fit-tieni waqfa fil-pajjiż, minħabba l-covid-19. Ovvjament, fil-Kappella taċ-Ċentru tal-Onkoloġija, f’konformità stretta u responsabbli mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u tal-Knisja, quddies ma kienx qed jiġi iċċelebrat. B’daqshekk imma ma jfissirx li x-xogħol mal-pazjenti kien se jieħu vaganza. Anzi! Żdiet fuq li żdiet!

Inkun qiegħed hemm. Fil-kappella. Nitlob ftit ħa nieħu dik l-enerġija tant meħtieġa li Ġesù fl-Ewkaristija biss jaf jagħti u ħadd, u proprju ħadd, aktar għajru. Imsieħeb minn dik il-mużika Gregorjana tal-monaċi li biha, kif qed jgħiduli n-nies li qed jidħlu fil-Kappella taċ-Ċentru tal-Onkoloġija biex jitolbu, qed tħalli turrun ġid li l-Mulej biss jafu. U ħadd aktar! Meta, fil-kwiet, waqt li kont qed nitlob, nisma’ ilfiq. Nitlob u l-ilfiq jerġa’ jinstema’. Tgħid x’kien ġara? Min kien hemm jibki u jolfoq warajja?

Ma tanix nibqa’ inħares lejn it-Tabernaklu indifferenti għall-aħħar għall-għajta ta’ Ġesù li, ħarab baxx baxx mit-Tabernaklu biex ġie warajja jibki kemm jiflaħ f’din il-mara. Dejjem fis-skiet l-għaliex il-Kappella dejjem kappella hux! Mhux xi suq tal-paroli! Għalhekk għamilt il-kuraġġ, dawwart ħarsti, u għedt lil din il-mara: Sinjura, kif nista’ ikun t’għajnuna għalik? Il-mara, bid-dmugħ iġelben minn għajnejha, qaltli: Patri! Mhux jaħdimli l-kimo! U, kif temmet din is-sentenza, aqta’ kif infexxet tibki bħal tarbija.

Ħallejtha toħroġ dak li kien hemm f’qalbha. Għalhekk, aktar ma bkiet, aktar bdejt nintebaħ kemm kienet fonda l-weġgħa tagħha u kemm kien hemm bżonni li noqgħod magħha ħalli nakkumpanjaha f’dan il-mument daqshekk diffiċli għaliha. Għandi familja Patri! Kollox kien sejjer tajjeb! Sakemm, f’daqqa waħda, il-kura ħadet daqqa lura bil-kif!

Meta smajt dawn il-kelmiet bqajt issummat. Ma għaraftx inweġiha kelma. Imma kelli għalfejn inweġibha? Kien hemm għalfejn nippreżentalalha xi argument imqanqal biex nurieha li fhimtha? Fuq kollox, kien dak il-waqt għall-argumenti? Jew għas-smiegħ? U, aktar minn hekk, għat-talb? U dan hu li ippruvajt nagħmel. Nisma’. U xi smajt? Mhux jaħdimli l-kimo! Jiġifieri, mhux taħdimli t-terapija li magħha jien għandi marbuta t-tama li nista’ infiq ħa nissokta ħajti mal-familja tiegħi! U jekk din il-mediċina kimika, li b’riħitha, nista’ inkompli għaddejja mal-familja tiegħi, mhux qed taħdem, aħseb u ara mela kemm se jaħdmu t-tamiet l-oħra tiegħi li hemm imrassin magħha? Hekk, ngħidu aħna, it-tama li nara lil uliedi jieħdu l-istat tagħhom? It-tama li nara lill-ulied uliedhi jitwieldu, jikbru u jieħdu huma wkoll l-istat tagħhom? It-tama li nkompli nara l-familja tiegħi tingħaqad u tissaħħaħ? It-tama li ngħix ħajti b’ħafna kuraġġ u pożittività?

Fejn marret it-tama għal din il-mara? Fejn iżżerżqitilha? Fejn spiċċat? Baħħ! Imkissra! Ma tafx fejn hi! Madankollu, din il-mara għaqlija għamlet ħaġa tassew importanti: marret il-Kappella titlob! Biex hemm issib il-qawwa sabiex tissokta tikkumbatti s-swidija, id-dlam u l-konfużjoni li sitwazzjoni bħal din żgur li kienet qed toħloqilha f’ħajjitha. Din il-mara kellha l-fidi li tmur tintasab f’riġlejn il-Mulej u hemm toħroġ quddiemu, bħal mazz karti miftuħ, id-dwejjaq kollha tagħha.

Quddiem il-fidi soda tagħha, xi stajt nagħmel jien jekk mhux li noffrilha li nitolbu talba flimkien? U x’kienet it-tweġiba tagħha? Iwa Patri! Nitolbu! Ħtaftha fil-kelma. U tlabt magħha, minn qalbi, biex dik il-kimo tibda’ taħdem minnufih fiha. U, bħalma dejjem jiġrili kull darba li nitlob fuq hekk, titlagħli mill-ewwel f’qalbi l-barka Biżantina tal-morda fejn fiha nitolbu lill-Mulej biex ibierek il-mediċini li dawn ħutna jieħdu għall-feqjan tagħhom.

U la semmejt il-barka tal-morda tar-Rit Biżantin ma nistax ma naqsamx magħkom din it-talba sabiħa li, personalment, spiss nitlob fuq il-pazjenti tagħna fl-Isptar tal-Onkoloġija qabel il-Mulej qaddis jagħtini l-grazzja li noħroġ inberrikkom ilkoll kemm huma, wieħed wieħed, bis-Salib imqaddes hekk imlaqqam tal-Gran Mastru.

Missier tas-sema, Tabib tar-ruħ u tal-ġisem tagħna, li bgħatt lil IbneK il-waħdieni u Sidna Ġesù Kristu biex ifejjaq kull mard, ejja żurna u fejjaq lill-morda f’dan l-isptar minn kull mard fiżiku u spiritwali, bil-grazzja ta’ Kristu Ibnek. Agħtihom is-sabar fil-mard tagħhom, il-qawwa tal-ġisem u tar-ruħ, u l-kisba mill-ġdida ta’ saħħithom. Mulej, Int għallimtna fl-Evanġelju li jeħtieġ li nitolbu għal xulxin sabiex aħna niksbu l-fejqan. Nitolbuk, fejjaq lill-morda f’dan l-isptar, u agħtihom id-don li jiksbu lura saħħithom kompletament. Għaliex Int l-għajn ta’ kull fejqan u lilek nagħtu glorja, lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, issa u kull ħin, u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Mulej Alla tagħna, li b’kelma waħda fejjaqt il-mard kollu, li fejjaqt lill-kunjata ta’ Pietru, li tfejjaq skont it-tjubija tiegħeK, u li għandek is-setgħa xxejjen kull mard u deni, ieqaf mal-morda f’dan l-isptar u fejjaqhom minn kull saram tal-ġisem li qiegħed ikiddhom. Ibgħat fuqhom il-ħniena kbira tiegħek, u jekk hija r-rieda tiegħeK, agħtihom il-fejqan u s-saħħa. Għaliex Int it-Tabib tal-ġisem u r-ruħ tagħna, u lilek nagħtu glorja, lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, issa u kull ħin, u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

U wara li l-Mulej, fi tjubitu li tagħmel l-għeġubijiet mal-bnedmin, tani l-grazzja li nitlob ma’ din oħtna, mill-ewwel l-Ispirtu s-Santu urieni li nwettaq xi ħaġa tabilħaqq importanti: Stennieni ħa nġiblek xi ħaġa li tagħtik kuraġġ! għedtilha minnufih. Għalhekk, f’radda ta’ salib, u biex ma nħallihiex tistenna wisq minħabba l-appuntament li kellha, inżilt isfel u ġibtilha kwadru tassew sabiħ tal-Ħniena Divina. Kif ratu stajt inħossha li dritt bdiet titfarraġ. U hekk terġa’ tqum minn mal-art, fejn kienet mixħuta, sabiex tissokta l-mixja tagħha wara Ġesù.

Din l-esperjenza, personalment, għallmittni li l-Patri jrid joqgħod iwa fil-Kappella wkoll biex jitlob. Imma mhux b’dik l-attitudni ta’ ittellifnix għax issa ħini! Il-Patri ma jistax jaqa’ fl-iżball li waqa’ fih il-kap tas-sinagoga għax Ġesù kien fejjaq f’jum is-Sibt. U, tant kemm kien bihom li nfaqa’ waħda żul min hemm u qal lil kulħadd b’dik l-arroganza kollha: Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt! (Lq 13:14). Għażiż ħija l-kap, ix-xogħol tal-Mulej m’għandux ġranet, ħinijiet u postijiet lanqas! Il-Mulej jaħdem fejn u b’min irid Hu! Mela, ejja nitfħulu qalbna ħabib! Għax għad irridu nagħtu kont kontun tal-opportunitajiet tad-deheb fejn fihom kellna l-grazzja nkunu mal-Poplu tal-Mulej u aħna għażilna ċ-ċiċċi beqqi jew inkella li nagħmlu dak li riedna u li qablilna għalina nfusna fiċ-ċirkustanza u mhux dak li riedna l-Mulej, jiġifieri li nwieżnu lil ħutna permezz tal-akkumpanjament li kellna noffrulhom!

Jalla l-frażijiet bħal Mhux jaħdimli l-kemo! jħaddmu lil qalbna ħa nkunu mal-poplu tiegħu li qed ibati!

Patri Mario Attard OFM Cap