Lezzjoni II: San Ċirillu ta’ Lixandra

Print Friendly, PDF & Email

27 ta’ Ġunju SAN ĊIRILLU TA’ LIXANDRA, ISQOF U DUTTUR TAL-KNISJA

TIFKIRA

San Ċirillu ta’ Lixandra twieled qrib is-sena 376. Għex ħajja monastika; ġie ordnat saċerdot, mar ma’ zijuh, Teofilu, li kien l-isqof ta’ Lixandra, u sar isqof warajh fis-sena 412. Ħadha kemm felaħ kontra t-tagħlim ta’ Nestorju li ħareġ bl-ereżija li Ġesù kellu żewġ persuni, waħda umana u l-oħra divina, u għalhekk ċaħad li l-Madonna hi Omm Alla. San Ċirillu kellu sehem prinċipali fil-Konċilju ta’ Efesu. Kiteb ħafna, u b’għaqal kbir, biex ifisser u jiddefendi l-fidi kattolika, speċjalment fuq il-Madonna li hi Omm Alla; fuq l-unjoni taż-żewġ naturi, divina u umana ta’ Kristu. Hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Inkarnazzjoni. Miet fis-sena 444. Ġie ddikjarat duttur tal-Knisja fl-1882.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittra ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Lixandra

(Epist. I)

Stqarr li l-Verġni Marija hi Omm Alla

Jien nistagħġeb ħafna kif għad hemm xi wħud li tassew jiddubitaw jekk il-Verġni Mqaddsa għandhiex tissejjaħ Omm Alla. Għax jekk Sidna Ġesu Kristu hu Alla, mela kif m’hijiex Omm Alla l-Verġni mqaddsa li wilditu! Din il-fidi rċevejnieha mingħand id-dixxipli ta’ Kristu, għalkemm huma ma semmewx dan it-titlu. U l-istess ħaġa għallmuna l-missirijiet imqaddsa, fosthom missierna Atanasju, ta’ fama kbira, li fil-ktieb tiegħu fuq it-Trinità Qaddisa, fit-tielet diskors, ’l hawn u ’1 hinn lill-Verġni Mqaddsa jsejħilha Omm Alla.

U hawnhekk ikolli bilfors ninqeda bl-istess kliem tiegħu, meta kiteb: “Il-ħsieb karatteristiku tal-Iskrittura Mqaddsa, kif diġa għedna bosta drabi, huwa dan: li turi ż-żewġ naturi ta’ Kristu, is-Salvatur tagħna; jiġifieri, li huwa Alla, u kien jeżisti sa minn dejjem bħala l-Verb tal-Missier u d-dija u l-għerf tiegħu; u wkoll li hu, f’dan l-aħħar żmien, ħa l-ġisem mill-Verġni Marija Omm Alla u sar bniedem minħabba fina.”

Wara ftit żied jgħid: “Kienu ħafna l-qaddisin meħlusa minn kull dnub: hekk Ġeremija tqaddes f’ġuf ommu, u Ġwanni kien għadu ma twilidx meta qabeż bil-ferħ x’ħin sema leħen Marija Omm Alla”. Issa Atanasju kien għaref biżżejjed u ta’ min joqgħod fuqu bla biża’ ta’ xejn, nistgħu nemmnuh b’għajnejna magħluqa bħala wieħed li qatt ma qal xejn li ma jaqbilx mal-Iskrittura Mqaddsa.

U l-Iskrittura, imnebbħa minn Alla, tistqarr li l-Verb ta’ Alla sar bniedem, jiġifieri, ingħaqad ma’ ġisem li għandu ruħ mogħnija bir-raġuni. Mela l-Verb ta’ Alla ħa n-nisel ta’ Abraham, sawwar għalih innifsu ġisem minn mara, u sar bniedem tad-demm u l-laħam bħalna, hekk li issa m’huwiex biss Alla iżda minħabba din l-għaqda sar ukoll bniedem jixbah lilna.

Jidher ċar, mela, li l-Għimmanu-El għandu żewġ naturi, ta’ Alla u ta’ bniedem. Imma Sidna Ġesu Kristu hu wieħed, iben wieħed veru u naturali, li hu fl-istess ħin Alla u bniedem; mhux bniedem diviniżżat fis-sens ta’dawk li permezz tal-grazzja jieħdu sehem min-natura ta’ Alla, imma Alla veru, li deher f’sura ta’ bniedem għas-salvazzjoni tagħna, kif Pawlu wkoll jixhed meta jgħid: Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

RESPONSORJU

1. Għamel ħwejjeġ tal-għaġeb quddiem Alla, u d-dinja kollha mtliet bl-għerf tiegħu. * Ħa jidħol għalina quddiem il-Mulej Alla tagħna.

2. Saċerdot tal-Mulej, li lejl u nhar ħaseb fuq il-kmandamenti ta’ Alla. * Ħa jidħol għalina quddiem il-Mulej Alla tagħna.

Talba

O Alla, aħna nemmnu li l-Verġni Mqaddsa Marija hija Omm Alla, kif b’qawwa kbira għallem l-isqof San Ċirillu; agħmel li niksbu s-salvazzjoni ta’ dejjem bis-saħħa tal-Inkarnazzjoni ta’ Kristu Ibnek, li hu Alla.

%d bloggers like this: