30 ta’ Ġunju L-EWWEL MARTRI TAL-KNISJA TA’ RUMA
TIFKIRA
Fl-ewwel persekuzzjoni kontra l-Knisja mqanqla mill-imperatur Neruni, wara l-ħruq ta’ Ruma fis-sena 64, bosta nsara ħadu l-martirju b’moħqrija kbira. Ta’ dan jagħtuna xhieda l-kittieb pagan Taċitu (Annales 15:44) u l-Papa Klement fl-ittra tiegħu lill-Korintin (kap 5-6) faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.
Fl-Uffiċċju tal-qari
LEZZJONI II
Qari mill-Ittra tal-Papa San Klement l-EwweI lill-Korintin
(Cap 5:1—7:4)
Qatluhom b’għira u saru eżempju mill-isbaħ għalina
Inħallu l-eżempji tal-imgħoddi, u niġu għal dawk l-atleti li huma eqreb lejna; nitkellmu fuq l-eżempji qalbenin ta’ żminijietna, kolonni l-iżjed qawwija u tajba, minħabba l-għira mħeġġa tal-bnedmin sofrew persekuzzjoni u tqabdu sal-mewt.
Inġibu quddiem għajnejna liż-żewġ Appostli. Pietru, mhux darba u tnejn, iżda bosta drabi ra t-taħbit minn nies ħżiena u għajjurin, sa ma ħa l-martirju u kiseb il-glorja li stħaqqlu. Minħabba l-għira u l-ġlied, Pawlu sar eżempju tas-sabar; seba’ darbiet xeħtuh il-ħabs, keċċewh, ħaġġruh; xandar il-Kelma fil-lvant u l-punent, għamel isem kbir bil-fidi qawwija tieġħu; wara li xerred tagħlim is-sewwa mad-dinja kollha, ġie f’tarf il-punent u ħa l-martirju quddiem il-prefetti; u hekk għadda minn din id-dinja għall-belt il-qaddisa, eżempju tassew sabiħ tas-sabar.
Ma’ dawn l-irġiel li għexu ħajja qaddisa żdiedet kotra kbira ta’ magħżulin, li sofrew tbatijiet u moħqrija, ħadu l-mewt permezz ta’ bnedmin għajjurin, u tawna eżempji kbar. Minħabba l-għira sofrew il-persekuzzjoni nisa li saru jixbhu lil Danaj u ’l Dirke fit-tbatija, ġarrbu ħruxijiet tal-għaġeb u faħxija, imma temmew sħaħ il-ġirja tal-fidi, u, għalkemm dgħajfin fil-ġisem, kisbu premju ta’ ġieħ. Minħabba l-għira, irġiel warrbu lin-nisa tagħhom, u qallbu l-kelma ta’ missierna Adam: Sa fl–aħħar din għadma minn għadmi, din laħam minn laħmi. L-għira u l-ġlied għamlu ħerba minn bliet sħaħ u qerdu għal kollox ħafna popli.
Għeżież, qegħdin niktbulkom dan mhux biss biex infakkrukom fl-uffiċċju tagħkom iżda wkoll biex inwissu lilna nfusna; għax aħna ninsabu lkoll f’għalqa waħda u rridu nħabbtu wiċċna mal-istess taħbit. Għalhekk, ejjew nixħtu wara spallejna l-ħsibijiet żejda u fiergħa, u nerġgħu naqbdu t-triq kollha sebħ u ġieħ li wrewna ta’ qabilna. Inħarsu lejn dak li hu sabiħ f’għajnejn il-Ħallieq tagħna, lejn dak li hu ta’ ferħ għalih u jogħġbu. Inżommu l-ħarsa tagħna fuq id-demm ta’ Kristu, u nagħrfu kemm hu għażiż għal Alla dan id-demm li xxerred għas-salvazzjoni tagħna u kiseb il-grazzja tal-indiema għad-dinja kollha.
RESPONSORJU
1. Għall-imħabba ta’ Alla taw ġisimhom għall-moħqrija, * U stħaqqilhom jirċievu l-premju ta’ dejjem.
2. Dawn huma dawk li ġew mit-taħbit il-kbir, u ħaslu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf. * U stħaqqilhom jirċievu l-premju ta’ dejjem.
Talba
O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. B’Ibnek.
Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija. Kotra bla qjies ta’ martri baqgħu magħquda bejniethom fl-imħabba bħal aħwa, għax kellhom spirtu wieħed u fidi waħda.
Talba
O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. B’Ibnek.
Fl-Għasar
Ant. tal-kantiku ta’ Marija Ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhuh f’mewthom; għalhekk isaltnu miegħu għal dejjem.