Ġunju. ix-xahar tal-Ewkaristija

Qegħdin fix-xahar ta’ Ġunju  u għalhekk jaqbel li nagħmlu ftit riflessjonijiet  dwar l-Ewkaristija bħala rigal  ta’ Alla.

Fit-Testment il-Qadim insibu li Alla tema lill-poplu Lhudi permezz tal-manna li hija figura tal-Ewkaristija. Permezz ta’ dan l-ikel mis-sema l-poplu magħżul ta’ Alla seta’ jitrejjaq. Biex napprezzaw din il-ġrajja, ejjew inġibu quddiem għajnejna l-poplu Lhudi li kellu problema kif imantni lilu nnifsu. Issa fid-deżert kien donnu qata’ qalbu mill-providenza ta’ Alla. Iżda l-manna kienet providenzjali biex dan il-poplu jikkuntenta ruħu anki jekk għal żmien qasir.

Fil-Ġdid Testment, Sidna Ġesù Kristu f’Kapitlu VI ta’ San Ġwann jgħidilna li Huwa l-Ħobż li niżel mis-sema bħal manna tat-Testment il-Qadim. U verament Kristu huwa l ikel għalina. Kif l-poplu Lhudi kellu bħala ikel prinċipali l-ħobż, hekk Kristu sar bniedem biex ikun ta’ għajxien għalina; permezz tat-tagħlim u tal-mewt tiegħu fuq is-salib.

Kristu qabel ma mar għall-passjoni ried iħallielna ikel spiritwali. Dan l-ikel mhux bħall-manna li min kiel minnha miet, iżda l-Ewkaristija hija sostenement għall-ħajja eterna. Porprju dan l-ikel li ħallielna Kristu huwa ġismu u demmu, bir-ruħ u bid-divinità taħt ix-xbihat tal-ħobż u l-inbid.

F’din id-dinja qegħdin f’pellegrinaġġ ball-poplu Lhudi lejn Ġerusalemm tas-Sema; vjaġġ mimli b’perikli kemm għall-ġisem u kemm għar-ruħ. Biex naslu għad-destinazzjoni tagħna għandna bżonn tal-Ewkaristija. Biha nkunu nistgħu nitrejqu b’mod spirtitwali. L-ostja tinżel fl-istonku tagħna u Kristu jsir ħaġa waħda ma’ ġisimna.

Meta nsemmu l-Ewkaristija ma għandna ninsew qatt l-importanza tal-viżta tal-qalb. Din tikkonsisti filli wieħed jagħmel żjara lil Ġesù Sagramentat. Fiha jitlob b’mod personali billi:

i)        Jiftaħ qalbu ma’ Ġesù billi jaqsam miegħu l-ferħ, id-diżappunti, is-suċessi, ix-xewqat u dak kollu li jkun għaddej minnu.

ii)       Jitlob lil Ġesù għall-persuni li jkun jaf li għandhom bżonn it-talb.

iii)      Jitlob anki għall-konverżjoni tal-midinibin u sabiex Ġesù jkun magħruf u maħbub.

Mod ieħor ta’ talb Ewkaristiku huwa li wieħed jfakkar lil Ġesù minn ġrajjiet li huwa għadda minnhom fuq din l-art. Proprju dan kien il-metodu ta’ talb għall-qalb  San Ġorġ Preca. Kien isejjaħlu l-Eżerċizzju ta’ Patri Franku.  Eżempju ta’ talb bħal dan huwa:

Tiftakar Ġesù meta għamilt tant mirakli.

Tiftakar Ġesù meta qajjimt mill-mewt lil Lazzru.

L-Ewkaristija hija miraklu kontinwu. Ejjew niġu konxji ta’ dan.

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.