Li jgħodd kemm tħobb!

Kienet din it-taqbila li tani l-Mulej hekk kif poġġejt bilqiegħda bħala wieħed mit-tlett konċelebranti fil-quddiesa tal-funeral taz-zija Dolores. Iz-zija ħallietna nhar il-Ħamis 6 ta’ Mejju 2021, eżattament fil-ħamsa neqsin għoxrin ta’ filgħaxija.

Għadni niftakar s’issa l-vanġelu li nqara f’dak il-jum li fih marret tiltaqa’ mal-Missier tagħna tas-Sema. Fil-vanġelu skont San Ġwann Ġesù kien qal dan il-kliem: Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ (Ġw 15:9-11).

Hemm diversi elementi li tabilħaqq jolqtuni minn din is-silta. L-ewwel element hu dan: Ibqgħu fl-imħabba tiegħi (Ġw 15:9). Sabiħa hux li tibqa’ fl-imħabba ta’ Kristu. Għax, l-imħabba ta’ Kristu m’għandhiex la staġuni, la aptiti u, wisq anqas, burdati. Tħobb dejjem. Mhux b’ħafna kliem li jgerfex l-imħuħ biex imbagħad itir u ma tafx xi jkun sar minnu mal-inqas buffura. Le! Kliem bħal dak ma jagħmlilnix ġieħ kemm bħala bnedmin u, wisq aktar, bħala Nsara.

L-imħabba ta’ Kristu hi kostanti. Tibqa’ għaddejja. Għax m’hix imħabba imsejsa fuq sentimenti. Li, ħafna drabi, huma mingħajr pedamenti. Mela nsejna li min jibni biss fuq is-sentimenti qisu qed jibni mingħajr pedamenti? Onqsu f’ħaġa u jumbrak! Agħmlilha xi ħaġa u tiżbranak! Addijo l-maħfra! Kemm bniedem jaf isir jaqta’ daqs ix-xafra! Għax ma jkunx hemm dik l-imħabba li jitħaddet minnha San Pawl meta jgħid: L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti (1 Kor 13:4-7).

Bil-pass tagħha z-zija waslet għal din l-imħabba hekk sabiħa. U, dan seħħilha twettqu l-għaliex f’ħajjitha għarfet f’valur li, forsi illum, anki fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, għandu jiġi mogħti aktar importanza: tar-rikonċiljazzjoni. Kemm hi sabiħa li nkun kapaċi nitlob maħfra lil xi ħadd. Kemm hi sabiħa li fil-ħajja nagħraf li nkun żbaljajt. U jekk dan jien nagħmlu ma’ bniedem u bniedma bħali, li illum hawn u għada le, kemm aktar hu sabiħ u ta’ min jinkoraġġih dan il-pass mal-Mulej!

Tafu li meta d-dnubiet ma nqerruhomx jitmermru ġo fina u jmermru lilna? Għax id-dnubiet ma jagħmlulniex ġid. Id-dnubijiet m’humiex parti minna. Mhumiex normali għalina. Li kieku kienu parti minna u normali għalina konna nħalluhom jiġru ġewwa fina. Imma, int u jien, nafu li l-verità mhux din! Tant hu hekk li l-ewwel ċans li jkollna hu li nqerruhom. Ħa naqilgħuhom minn fuq l-istonku tagħna. U b’hekk nistrieħu! Għalhekk il-biċċa għerf tal-Mulej, il-qrar ifejjaq mill-imrar tagħmel sens tas-sensi! Hu l-imrar ta’ dnubietna li jmarradna. Għax ikisser l-intern tagħna u jitturmenta lil moħħna. Mentri meta mmorru f’riġlejn is-saċerdot ħa nistqarru ħtijietna dan kollu jitlaq. U nerġgħu niġu ndaf u ħfief bħalma konna qabel!

Kont nammirha liz-zija li kienet tqerr tas-spiss. L-għaliex, fis-sempliċità tagħha, fakkrittni kemm anki, jekk irrid tassew li nżomm it-tbissima tiegħu fuq xufftejja, għax hi tbissima tiegħu, naturali, u mhux imqanżħa, jeħtieġli nibża’ għaliha billi nersaq ta’ spiss lejn is-Sagrament tal-Qrar. X’barka għandna hux li, b’xejn, u meta rridu, nistgħu immorru għand is-saċerdot li, f’Isem Kristu u l-Knisja tiegħu, dnubietna jinħafrulna. Forsi, f’dan ir-rigward, ta’ min nistaqsi ftit lili nnifsi: Meta kienet l-aħħar qrara li għamilt? Kif inħossni meta ma nqerrx? Veru nħossni tajjeb? Jew inkella, fil-qiegħ ta’ qalbi, aktar u aktar meta nkun se npoġġi rasi fuq l-imħadda ħa nara ftit ‘il fejn sejra ħajti, narani dieħel għal ġol-ħajt? Kemm jien raġel u mara li illum jkolli l-gazz u mmur inqerr?

Iz-zija Dolores fakkrittni fl-importanza tal-ġenerożità. B’liema mħabba kienet tieħu ħsieb lin-nannu Pupul u anki liz-ziju Ġużi u liz-zija Karmena! Il-ġenerożità ħaġa waħda taf tagħmel, tkun ġeneruża! U, ngħid għalija, għadni niftakar f’dawk il-mumenti tassew sbieħ fejn kont inżurha u kienet tilqagħni minn qiegħ qalbha. Kienet taf li żaqqi nħobbha! Għalhekk kienet issajjarli xi ħaġa mill-itjeb. Kemm kont napprezza din il-kura tant materna li z-zija Dolores kienet tagħtini!

U, dan l-aħħar, ftakart f’fatt tant ħelu ta’ meta kont żgħir, eżattament fis-snin tmenin. Niftakar li darba, hi u z-zija Karmena, kienu ħaduni l-Isla biex inżuru lil Ġesù Redentur. Meta konna hemm, minħabba li kienet taf li nħobb il-vari, iz-zija Dolores kienet xtratli inkwatru lewn il-fidda tar-Redentur. Kemm kien għall-qalbi dak l-inkwatru! Wara tant snin, niftakar biss fih taqbadni nostalġija kbira! Mhux ta’ b’xejn li bħalissa qed inxerred demgħa wkoll! Kemm hi sabiħa l-imħabba għax tingħata għal min tħobb! U tingħata b’għemejjel ċkejknin mimlija mħabba!

Aktar kmieni f’dawn il-ħsibijiet semmejt dan il-passaġġ ferm sabiħ u li jtik x’tifhem li jgħid Ġesù fil-vanġelu ta’ San Ġwann, kapitlu 15, fl-aħħar vers ta’ dak il-passaġġ: Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ (Ġw 15:11). Donnu Ġesù jrid jgħid li l-ferħ tagħna jkun sħiħ jekk aħna nkunu maqgħudin miegħu, il-ferħ veru! Illum għalhekk ngħid li z-zija Dolores kienet tabilħaqq ferħana. L-għaliex il-ferħ tagħha kien Kristu. Kienet wisq ikkonċentrata fuqu! U moħħha kien biss biex tħejji ruħha sewwa sabiex tiltaqa’ miegħu u jsibha lesta għat-tieġ ta’ dejjem. Xi ħaġa li għamlitha tajjeb ħafna!

Il-ferħ ġewwieni taz-zija Dolores ħassejtu mill-fatt li kienet mara li taf tapprezza. Ma ninsa’ qatt x’kienu l-aħħar kelmiet li kienet qatli fuq it-telefon xi ħamest ijiem qabel ħallietna: Ma nafx kif ħa naqbad inħallaskom. Li z-zija kienet tapprezza dan kont nafu qabel. F’ħajjitha dan kienet turih. Imma l-mod qawwi u mimli mħabba ta’ kif uriet l-apprezzament f’dawn l-aħħar jiem tagħha fuq din l-art tassew kienet għalija xi ħaġa li impressjonatni tassew.

Madankollu, meta qrajt x’kienet qalet Santa Tereża ta’ Kalkutta fuq dan stajt nifhem l-għaliex iz-zija ġabet ruħha b’dan il-mod tassew li jibnik. L-aqwa mod li nuri l-gratitudni tiegħi hu li nilqa’ kollox, anki il-problemi tiegħi, bil-ferħ. Il-kundizzjoni ta’ saħħitha kienet iebsa. Iżda, iz-zija, minflok li ħaditha kontra l-Mulej u mietet irrabjata, aktar intelqet f’idejH. Aktar fittxitu! Aktar afdat fih! U aktar irċevietu fis-sagrament imqaddes tal-Ewkaristija!

Fl-aħħar nett, bħala wieħed tal-familja, nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil ħuti l-Patrijiet Kapuċċini tal-Fraternità ta’ San Ġwann għall-kura u l-akkumpanjament tagħhom taz-zija Dolores, taz-ziju Ġużi u taz-zija Karmena. Grazzi ħuti minn qalbi! U aħna, il-lajċi, ejjew nissapportjawhom lill-Patrijiet, lill-Qassisin u lis-Sorijiet tagħna fil-missjoni tagħhom!

Anki fit-telfa tal-għażiża zija Dolores, l-imħabba ma tintemm qatt (1 Kor 13:8)! Għax li jgħodd kemm tħobb!

Patri Mario Attard OFM Cap