Il-ħames volum ta’ ‘Kelma ta’ Ħabib’

Il-ktieb bl-omeliji u d-diskorsi tal-Arċisqof Charles Scicluna …

Il‑bini ta’ soċjetà bbażata fuq il‑valur tal‑ħajja, il‑promozzjoni tal‑ġid komuni, ir‑rispett reċiproku u l‑maħfra huma wħud mit‑temi li jirrifletti fuqhom l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna fil‑ħames volum ta’ ‘Kelma ta’ Ħabib’. Dan il‑ktieb jiġbor fih l‑omeliji u d‑diskorsi tal‑Arċisqof fil‑ħames sena tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta.

F’din l‑edizzjoni ta’ ‘Kelma ta’ Ħabib’ wieħed isib ukoll id‑diskors tal‑Arċisqof waqt id‑djalogu miftuħ li sar fl‑Università ta’ Malta dwar ir‑razziżmu wara l‑qtil ta’ Lassana Cisse, id‑diskors waqt l‑għoti tal‑Istitut Adelaide Cini lil Hospice Malta għat‑twaqqif ta’ St Michael’s Hospice li se jipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva, u l‑messaġġi lill‑koppji għarajjes u lil dawk li ngħadqu fis‑sagrament taż‑żwieġ. Permezz tal‑kelma tiegħu, sempliċi iżda profonda, diretta u msejsa fuq l‑Evanġelju, l‑Arċisqof jistieden lil kull persuna sabiex tkun ħmira li tkattar il‑ġid fis‑soċjetà.

Il‑ktieb ta’ 500 paġna jinkludi 50 paġna ta’ ritratti li ttieħdu f’diversi ċelebrazzjonijiet fil‑parroċċi u attivitajiet oħra. Fil‑qoxra ta’ barra jidher Ġorġ Agius, magħruf bħala Ġorġ tal‑Mużew, jitlob mal‑Arċisqof waqt il‑programm televiżiv Xarabank.

‘Kelma ta’ Ħabib’ fih ukoll indiċi analitiku biex il‑qarrejja jsibu t‑tagħlim tal‑Arċisqof fuq suġġett partikulari, kif ukoll għadd ta’ QR codes fejn bl‑użu tal‑ismartphonel‑qarrejja jistgħu jaraw il‑filmati tal‑omeliji fuq YouTube. Dan il‑ktieb huwa ppubblikat mill‑Uffiċċju Komunikazzjoni tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta u huwa sponsorjat minn APS Bank.

Il‑ħames edizzjoni ta’ ‘Kelma ta’ Ħabib’ qed tinbiegħ għall‑prezz ta’ €12 u tinxtara mill‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana, jew online fuq knisja.mt/kelmatahabib.

Sors: www.knisja.mt   

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply