Sar il-ħin biex inċempillek
Wisq Għażiż tiegħi Mulej,
Għax kull tant jiħtieġli nieqaf
Sabiex ngħidlek xi kelmtej’.
Int tagħtini mħabbtek kollha
Biex tweżinni tul il-jum;
U f’kull pass Int tiggwidani
Biex jekk naqa’ nerġa’ nqum.
Kif qegħdin hawnhekk nitkellmu
Nitlob ftit għal dawk li nħobb –
Żommhom sħaħ bogħod mill-periklu,
Minn kull għawġ, saram u ntopp.
Għandi bżonn aktar paċenzja
Waqt il-qadi ta’ kuljum.
Kattar fija aktar fidi
Ħalli naħfer bla ma ndum.
Tkun magħmula r-rieda Tiegħek
F’dak li nagħmel, f’dak li rrid.
Il-ferħ tiegħi jiddependi
Jekk tkunx Int ta’ ħajti s-Sid.
Mulej, grazzi talli dejjem
Tirrispondi minnufih.
Qatt “engaged” tkun meta nċempel,
Nisma’ b’hekk leħnek sabiħ.
Grazzi wkoll talli Int tisma’
It-talbiet li jien nagħmillek.
Nibqa’ nħobbok dejjem aktar.
Għada nerġa’ inċempillek.
MInn Edward Tagliaferro