Messaġġ mill-Isqof Joe Galea Curmi fl-għeluq tal-Aġġornament tal-Kleru 2021

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 16 ta’ Ġunju 2021: Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fl-għeluq tal-Aġġornament tal-Kleru 2021.

Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Nixtieq nirringrazzja lill-organizzaturi ta’ dan l-Aġġornament tal-Kleru, lill-kelliema u l-parteċipanti kollha, kif ukoll lilkom ilkoll li segwejtu b’attenzjoni. Kienu tlett ijiem mimlija, li żgur għenuna ħafna biex nirriflettu fuq kif nistgħu nkunu aktar saċerdoti li nisimgħu lil Alla, lil xulxin, u lir-realtà tas-soċjetà li fiha ngħixu, proprju f’din is-sena meta qegħdin nenfasizzaw b’mod speċjali s-smigħ fil-kuntest tad-dokument ekkleżjali ‘Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed’.

Bħala konklużjoni ta’ dan l-Aġġornament, nixtieq insemmi dawn it-tliet punti, ispirati mir-riflessjoni f’dawn it-tlett ijiem u mid-direzzjoni li l-Papa Franġisku qed jagħti lill-Knisja.

Saċerdoti ta’ dixxerniment

L-ewwel nett, inkunu saċerdoti ta’ dixxerniment. Aħna s-saċerdoti dixxipli tal-Mulej, kontinwament f’mixja. Hu d-dixxerniment li jgħinna f’din il-mixja biex, qabel xejn, widnejna u qalbna jkunu miftuħa għall-Ispirtu ta’ Alla kemm fil-ħajja tagħna personali kif ukoll fil-missjoni li Alla fdalna.

Fid-dixxerniment, is-smigħ jiġi qabel il-kliem. Dan jgħodd kemm fit-talb, meta nisimgħu lil Alla qabel nibdew inkellmuh aħna; fir-relazzjoni ma’ xulxin, fejn imsejħin biex nisimgħu lil xulxin qabel ngħidu tagħna; u wkoll fis-smigħ tar-realtà, fejn qabel naraw dak li rridu nwasslu lis-soċjetà, hu importanti li nisimgħu x’qed tgħidilna r-realtà.

Fid-dixxerniment, il-protagonista jibqa’ dejjem l-Ispirtu ta’ Alla. Ma nsirux aħna protagonisti b’dak li nagħmlu. Il-Papa Franġisku jitkellem fuq kemm irridu noqogħdu attenti li ma nkunux qed niċċelebraw lilna nfusna, ibda mil-Liturġija, fejn hemm din it-tentazzjoni, u f’kull ħidma pastorali tagħna, b’mod partikulari wkoll il-media soċjali – li ma tkunx awto-referenzjali, ċelebrazzjoni tagħna nfusna, tfittxija kontinwa għal-likes. Irridu niftakru li aħna kollaboraturi ta’ Alla. Mhux qisu Alla jidħol fejn aħna ma nwasslux, imma huwa hu li jrid jidher fl-istess ħidma tagħna.

Saċerdoti viċin in-nies

It-tieni, inkunu saċerdoti viċin in-nies. Fil-pandemija kellna nagħmlu l-esperjenza iebsa li noqogħdu ’l bogħod mill-oħrajn, u l-ħin kollu nqisu d-distanzi. Hekk kellna nagħmlu biex insegwu miżuri neċessarji għall-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Kellna nfittxu mezzi oħra kif inżommu l-kuntatt, u kien hemm ħafna kreattività f’dan minn diversi saċerdoti.

Nittama li iktar ma tgħaddi l-pandemija, iktar nagħrfu nkunu viċin xulxin, l-ewwel viċin xulxin bħala saċerdoti, u viċin in-nies, fi djalogu magħhom, nitgħallmu minnhom, nisimgħu l-istorja tagħhom qalb is-sabiħ u l-iebes tal-ħajja, u nakkumpanjawhom b’imħabba fil-ħajja tagħhom. Il-Papa Franġisku jispjega: “Id-dinja hi għatxana għal saċerdoti li kapaċi jikkomunikaw it-tjieba tal-Mulej lil min mess mad-dnub u l-falliment, għal qassisin esperti fl-umanità, għal ragħajja li lesti jaqsmu fil-ferħ u t-taħbit ta’ ħuthom, għal irġiel li jħallu tmisshom il-karba ta’ min qed ibati” (Diskors ġewwa l-Vatikan, lill-Komunità tas-Seminarju Pontifiċju tar-Reġjun tal-Marche ‘Piju XI’ ta’ Ancona, 10 ta’ Ġunju 2021).

Hi din il-qrubija lejn in-nies li tgħinna nevitaw ir-riġidità li hi nieqsa mill-umanità. Il-Papa Franġisku jitkellem ħafna kontra r-riġidità, u jgħid kif  “Il-veru ragħaj ma jitbegħidx mill-poplu ta’ Alla: huwa fil-poplu ta’ Alla, jew quddiemu biex jurih it-triq; jew f’nofsu, biex jifhmu aħjar; jew warajh, biex jgħin lil dawk li jibqgħu xi ftit lura, u anki biex inħallu xi ftit lill-poplu, li hu l-merħla, bix-xamma tiegħu jurina fejn hemm mergħat ġodda. Il-veru ragħaj irid jiċċaqlaq il-ħin kollu f’dawn it-tliet postijiet: quddiem, fin-nofs u wara” (Diskors 10 ta’ Ġunju 2021).

Nixtieq naqsam magħkom l-esperjenza pożittiva ħafna tal-mixi fit-toroq. Jien nimxi regolarment u nħeġġeġ lis-saċerdoti dejjem: fejn tista’ tmur bil-mixi, tmurx bil-karozza. Hu eżerċizzju ta’ ġid fiżikament, kif ukoll mentalment. U jżommna viċin in-nies. Ngħid għalija, jgħini biex niltaqa’ ma’ min nafu, u kultant ma’ min ma nafux u nsir nafu. Ninnota li għan-nies hi wkoll ta’ inkoraġġiment meta jaraw is-saċerdoti mexjin fit-toroq tagħhom.

Saċerdoti li nnisslu t-tama

It-tielet, inkunu saċerdoti li nnisslu t-tama. L-isfidi kbar li għaddejjin minnhom illum, u li smajna diversi minnhom f’dawn il-jiem, kif ukoll l-isfidi li se naffaċċjaw fil-ġejjieni, il-kumplessità tal-kultura u tal-ħsieb kontemporanju, qatt ma għandhom idaħħluna f’qoxortna jew jagħmluna, fi kliem Ġwanni XXIII fil-bidu tal-Konċilju Vatikan II, “profeti di sventura”. Is-smigħ tar-realtà jurina b’liema mod irridu llum infittxu u nsibu l-lingwaġġ li jagħti t-tama, li jara f’kull sfida opportunità biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba b’mod ġdid.

Nixtieq ngħid kelma fuq id-diskorsi tagħna, speċjalment l-omeliji tagħna, u nagħmel appell biex dejjem iħallu togħma ta’ tama. Lin-nies m’aħniex imsejħin biex ngħaddulhom il-problemi li jkollna aħna, jew inżidulhom mal-problemi li jkollhom huma. Ġieli jkollna qisha tendenza li nenfasizzaw dak li hu ħazin, iktar milli nuru apprezzament u ninkoraġġixxu dak li hu tajjeb. Qisu wkoll meta nsemmu t-tajjeb, kultant tkun introduzzjoni qasira biex ngħaddu għal dak li hu ħażin. B’attitudni ta’ smigħ, aħna żgur nagħrfu tant tajjeb li hawn fil-ħajja tan-nies illum, li għandna ninkoraġġixxu.

Niftakru wkoll li qabel il-kontenut ta’ dak li ngħidu, in-nies jaraw l-attitudni, għax din jarawha b’qalbhom qabel ma jkunu jistgħu jifhmu xi ħaġa b’moħhom. Jekk l-attitudni hi negattiva, jekk tkun timbotta, dik se jieħdu magħhom in-nies; jekk tkun l-attitudni li tilqa’, dik se jieħdu magħhom. Għalhekk irridu nagħrfu r-responsabbiltà li lin-nies inwasslulhom kelma u nagħtu xhieda li tagħtihom enerġija biex jimxu ’l quddiem fil-ħajja Nisranija.

Nagħlaq billi nistedinkom biex fil-missjoni li Alla fdalna f’idejna, inebbaħna dejjem San Ġużepp, li f’din is-sena qed naħsbu fuqu b’mod partikulari. Fi kliem il-Papa Franġisku, hu “figura straordinarja tant qrib tal-qagħda umana ta’ kull wieħed u waħda minna” (Ittra Appostolika Patris Corde, 3), u qrib ukoll tas-sejħa li Alla għamlilna. Il-Mulej iberikna lkoll.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

16 ta’ Ġunju 2021

Leave a Reply