Interrqu fil-ħsieb

Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Ġunju 2021, festa ta’ San Efrem is-Sirjan, Duttur tal-Knisja, għadda għall-ħajja ta’ dejjem il-Malti ħuna u Professur Edward de Bono. It-telfa tiegħu nħossuha l-għaliex il-Mulej żejjen lil Edward b’dak l-għerf prattiku li tant għandna bżonn f’din iż-żiffa ta’ ħajja li qed ngħixu.

Il-metodu tiegħu, dak tal-ħsieb laterali, jirrifletti mod ta’ kif jissolvew il-problemi. Dan il-mod ta’ ħsieb aktar hu tfittxija ta’ alternattivi u soluzzjonijiet b’mod kreattiv u indirett billi wieħed, b’ħafna għaqal, jipprova ma jaqax fl-iktar għażliet ovvji u immedjati. Fi kliem sempliċi, dan il-mod ta’ ħsieb jgħinna nwessgħu l-ħsieb tagħna billi noħorġu mill-mod ta’ kif dejjem ħsibna. Bil-mod laterali nibdew naħsbu lil hinn mill-kaxxa ta’ moħħna. Huwa għalhekk li dan il-mod ta’ ħsieb jagħti lok għal tibdil u krejattività.

Mill-85 ktieb li kiteb dan l-għaref kbir Malti ħuna nixtieq nislet xi sentenzi li tassew ġagħluni naħseb b’mod ġdid. L-ewwel sentenza: diskussjoni għandha tkun attentat ġenwin biex wieħed jesplora suġġett ħafna aktar milli taqbida bejn żewġ egos li qed jikkompetu kontra xulxin. X’naqra ta’ ħsieb dan hux! Għax tassew rejali! L-għaliex diskussjoni għandha tkun mument ta’ ġlieda bejn min hu l-aħjar? U, ngħid jien, l-għaliex f’diskussjoni kulma jgħid it-tali vanġelu u kulma jgħid it-tali dlonk jintefa’ fiż-żibel? Dawn x’affarijiet huma ħbieb!

Imagħad hemm ħaġa oħra importanti u li marbuta ma dan li għedna: l-għaliex diskussjoni m’għandhiex tibqa’ iffukata fuq suġġett u mhux issir persunali? L-għaliex hawn min, minflok li jiffoka fuq l-argument, agħtih ixerred il-konflitt billi jgħajjar lill-persuna l-oħra? Dan għemilu jagħmillu tassew ġieħ ta’ bniedem li hu? Iqaddes jew iżibbel il-ħsieb tiegħu stess? 

Imbagħad Prof. Edward għandu sentenza li aqta’ kemm daħħkittni għas-sens umoristiku li fiha, minbarra, u sintendi, għall-għerf li jsawwarha. Jekk qatt ma tibdel fehmtek, għaliex għandu jkollok waħda? Ma tinbidel qatt.  Jaħasra! Hawn min għandu moħħu kieku imma dan qiegħed biss biex jiżżejjen biż-żebgħa tax-xagħar jew biex joqgħod miftuħ għar-riħ, għall-bard, għall-kesħa, għax-xemx u għal ma nafx xiex. Dan l-għaliex ma jħaddmux u ma tħaddmux! Le jaħasra! Ejjew NIFIRXU u NIMIRĦU fil-ħsieb! Inkella x’funzjoni jibqagħlu moħħna? Li kieku kull ġimgħa nisfida idea milli għandi ara ftit x’persuna differenti nkun fl-aħħar tas-sena meta nkun qed inħabbat it-tazza tax-xampanja f’jum ta’ sena ġdida!Il-ħajja tgħaddi malajr! Ejjew ninbidlu fi ħsiebna! Ejjew niġġeddu! F’dan ir-rigward Edward ifakkarni f’dak li jikteb San Pawl lir-Rumani, jiġifieri lil nies li kienu avvanzati fil-ħsieb tagħhom: Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett (Rum 12:2).

F’sentenza interessanti oħra Edward iħeġġiġna biex moħħna ngħinuh jaħseb idejat differenti. Ma jimpurtax imbilli ċertu idejat ma jkunux tajbin. Mhux kollox ħażin bħal mhux kollox tajjeb fil-ħajja. Hemm idejat tajbin u idejat ħżiena. Madankollu, dan hu eżerċizzju mill-aktar sabiħ għax tassew li jagħti frott u dinjità umana. Hu bil-wisq aħjar minn meta wieħed ikun jaħseb li dejjem qiegħed fis-sewwa u għalhekk m’għandux idejat oħra. Jgħidilna Edward: Hu aħjar li wieħed ikollu biżżejjed idejat u xi ftit minnhom ikunu ħżiena milli wieħed jaħseb li hu dejjem fis-sewwa għax ma jkollux idejat.

Fit-tagħlim tiegħu Edward jfakkarna fl-importanza tas-smigħ. L-idejat dejjem sbieħ u utli. Wara kollox, l-idejat qegħdin hemm mhux sempliċiment biex iħaddmu t-turbini ta’ moħħna imma biex, fl-aħħar mill-aħħar, jiġu impoġġija fil-prattika. Inkella xi skop jibqagħlhom? B’dak li jiktbilna Edward jħeġġiġna biex nisimgħu. U ħadd daqsu ma seta’ jikteb hekk. Min jaf kemm sema’ nies f’ħajtu! Jgħidilna Prof. Edward: Semmiegħ tajjeb hu sabiħ kważi daqs kelliem tajjeb. Ma jistax ikollok moħħ sabiħ jekk ma tafx kif tisma’. Mela, skont de Bono, il-moħħ u l-widna jimxu flimkien. Huma ta’ sostenn għal xulxin. Meta jien nisma’ lil xi ħadd jferra’ qalbu miegħi jien qed nuri li moħħi mhux biss tajjeb imma wkoll sabiħ. Għax hu sabiħ fuq li sabiħ li jien inkun disponibbli biex ħaddieħor ikun jista’ iserraħ qalbu u qalbha miegħi!

Hu veru li s-smigħ jaf ipoġġina fuq is-seat ta’ wara għax dejjem qed tisma’ fid-dell u mhux fiċ-ċentru tal-attenzjoni bħalma jkun kelliem. Imma jista’ ikun hemm kelliem jekk ma jkunx hemm is-semmiegħ? Għax x’jagħmel kelliem kelliem? Mhux għax għandu lil min jisimgħu? U, bis-smigħ tiegħu, qed jinkoraġġieh fuq li jinkoraġġieh biex jitkellem? Ma ninsewx li dak il-kelliem jieħu saħħtu għax għandu min jisimgħu. Għalhekk, dak is-semmiegħ hu tassew kbir. U issa skużani għażiż Edward imma ħa mmur pass aktar minnek, dak is-semmiegħ nasal ngħid li hu ISBAĦ mill-kelliem. Għax jekk il-kelliem tneħħilu s-semmiegħ iġġibu jitħaddet mal-ħajt. Mela sewwa qal l-għaref tal-għorrief, il-Mulej Ġesù, meta qal: U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar (Lq 13:30). Għandna bżonn anqas kelliema u aktar semmiegħa!

Il-ħsieb ta’ de Bono hu għal kollox saqajh mal-art. Dan l-għaliex dan il-ħassieb prattiku jgħidilna hekk: Id-dwejjaq hu l-aħjar imfisser bħala d-differenza bejn it-talenti u l-aspettazzjonijiet tagħna. Fi kliem ieħor, hawnhekk Prof. Edward qed jgħidilna biex nimxu l-mixja tagħna. Tafu li l-moħħ jaf ikollu stonku daqshiex għax jaħseb affarijiet li ma jkunx jista’ jibla’ u mbagħad jagħmlulu indiġistjoni daqshiex? L-għajta urġenti hi waħda: Ħa nkun saqajja mal-art! Ejja ma nħallix lil moħħi jiġri bija!

Jien, li niddefinixxi ruħi bħala mug tal-birra bis-saqajn, ma nistenniex li se niġri l-mitt metru riħ! Jekk ħa noqgħod noħlom li nwettaq hekk tassew jien l-aktar bniedem imdejjaq u frustrat li hawn f’wiċċ id-dinja. Għall-kuntrarju! Jien irrid inkun f’paċi kbira miegħi innifsi, għaliex naf li għall-kapaċitajiet li l-Mulej żejjinni bihom issa l-mitt metru nimxieha nista’ u mhux niġrieha! U, jekk se nkun fil-paċi miegħi nnifsi u, b’UMILTÀ, se nimxi l-mitt metru b’ħafna paċi f’qalbi tant li, bil-mod il-mod, se nibda’ ngħaġġilha sakemm fl-aħħar, kważi kważi, se nibda’ niġrieha wkoll! Hekk, b’għaqal kbir tal-Ispirtu s-Santu, Edward qed ifakkarna fit-talba ta’ San Damjan li tgħid: Tqiegħed ġebda fuq ġebla oħra u fl-aħħar tasal fuq nett! Bil-mod il-mod! Il-ħajja hi li tibni u mhux li ssib kollox lest mill-ewwel! U nibni safejn iwassal il-boqxiex, jiġifieri it-talenti tiegħi! Mela, nibdew minn xejn u dejjem telgħin, naqra naqra, ‘il fuq ‘il fuq. U ma’ kull pass li nagħmlu ħa nifirħu! Għax s’hemm wassluna t-talenti tagħna!

Ħsieb ieħor sabiħ li għandu Edward de Bono hu dan: Mistoqsija hi mod edukat li tistaqsi xi ħaġa. L-ilsien Malti għandu qawl tassew sabiħ: Il-Mistoqsija oħt il-għerf. Jekk irridu tabilħaqq nikbru fl-għerf għandna bżonn nistaqsu. Ma ninsewx li kull mistoqsija dejjem għandha raġuni x’tagħti. Anki meta, fil-fatt, m’għandhiex x’tgħid. Hu importanti li nistaqsuha. U nistaqsuha b’imħabba, b’rispett, b’kuraġġ, u b’ħafna umiltà u ġenerożità. Għax abbli dak li qed nistaqsi hemm ħaddieħor li xtaq jistaqsieh imma, għal xi raġuni, ma seħħlux isemma leħnu.

Grazzi Dward li, bil-mod tiegħek kif tirraġuna, għallimtna interrqu fid-dinja tal-ħsieb! Li daqqa jagħmlilna għedewwa u daqqa jagħmlilna l-ħbieb!

Patri Mario Attard OFM Cap