Bejn ġudizzju u ġudizzju

It-Tnejn, 21 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tat-Tnejn tat-Tnax-il Ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

X’irid jgħid biha Ġesù meta jgħidilna “Tiġġudikawx”? Hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq ġudizzju negattiv fuq l-oħrajn, tant hu hekk li jsemmi – jgħidha b’mod esaġerat – li int tara t-tibna f’għajn ħuk u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek stess. Għalhekk Ġesù qed jgħidilna “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati”.

Biex nifhmu dal-kliem ta’ Ġesù, hu importanti li nagħmlu d-distinzjoni li hu dejjem għamel – imma ssib diversi nies li jgħidu li lanqas tista’ tagħmilha – bejn il-persuna u l-azzjoni, dak li tagħmel il-persuna. Fil-fatt, dan narawh anke fl-istess kliem li jgħid Ġesù. Hawnhekk jgħid “Tiġġudikawx” lin-nies, imma post ieħor jgħid “Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” (Lq 12:57)  Mela Ġesù stess jagħmel id-differenza bejn il-bniedem, u dak li jsir mill-bniedem, l-azzjoni tiegħu.

Ġesù qed jgħid li aħna ma għandniex niġġudikaw lin-nies, għax aħna ma nafux ir-realtà sħiħa tal-persuna, bħalma jafha Alla. Alla jaf il-moħħ, jagħraf il-profondità tal-qalb, u jaf ir-realtà sħiħa. Aħna lill-bniedem narawh minn barra, forsi nkunu nafuh ftit iktar, imma ma nafux ir-realtà sħiħa. Nafu llum, anke mill-istudji, kif bniedem jista’ jkun għadda minn esperjenzi koroh meta kien żgħir li effettwawh meta kiber, nafu li bniedem jista’ jkun f’ċirkustanzi partikulari; tant hemm affarijiet li biex tagħti ġudizzju fuq il-qalb, fuq il-moħħ, u fuq l-intenzjoni, u fuq il-bniedem kif hu quddiem Alla, irid ikun Alla. Għalhekk qed jgħidilna: il-ġudizzju ħalluh f’idejja. Hekk qed jgħid il-Mulej lilna. U qed jagħmlilna pjaċir! Għax jekk aħna nippruvaw li ngħaddu ġudizzju fuq il-persuna, nindunaw li ma naslux biex nifhmu r-realtà sħiħa kif jaraha Alla.

Kultant tiġri din, li nwaħħlu tikketta fuq il-bniedem, imbagħad għalina l-ġudizzju jkun sar. Imma li qed jgħidilna Ġesù hu dan: meta aħna niġġudikaw b’dal-mod lill-bniedem, qed nieħdu post il-Mulej, għax hu qalilna: il-ġudizzju ħalluh f’idejja. Ma għandniex aħna niġġudikaw lill-bniedem, kif inhu quddiem Alla, imma hu Alla li jiġġudikah.

Imma dan ifisser – u din hi importanti wkoll –  li meta tħares lejn dak li jiġri, ma tagħżilx bejn it-tajjeb u l-ħażin, ma tiġġudikax it-tajjeb u l-ħażin, ma jkunx hemm kriterju ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin? Kliem Ġesù ma jfissirx hekk, u rridu noqogħdu attenti li ma ninterpretawhx hekk.  Jiġifieri jekk jien nara dak li hu ħażin – per eżempju, nara vjolenza domestika, abbuż, korruzzjoni, infedeltà, tkasbir tad-dinjità u tal-ħajja tal-bniedem – jien ma nistax ngħid “jien ma niġġudikax, ħallihom”. Ma nistax ngħid hekk. Il-ħażin irrid insejjaħlu ħażin. Ma nistax ngħid “mhux kulħadd għandu l-ħażin tiegħu!”, speċi: dawk ikomplu, u jien inkompli, għax kulħadd midneb!  Ma tistax tirraġuna hekk quddiem dak li hu ħażin. Ġesù jridna li lill-ħażin insejħulu b’ismu. Għax soċjetà li mhix kapaċi tiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin hi soċjetà mnawra.

Għalhekk, din id-distinzjoni li hemm bżonn nagħmlu, u li Ġesù jagħmilha, u għal dan nitolbu llum. L-ewwel nett li lill-persuni, kif inhuma quddiem Alla, ma niġġudikawhomx u l-ġudizzju nħalluh f’idejn Alla, il-ġudizzju tal-bniedem jagħmlu hu. U li, ispirati mill-kelma tal-Mulej, inkomplu nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin, u li l-ġudizzju ta’ dak li hu ħażin nagħmluh, kif qalilna l-Mulej stess, ħalli nkunu nistgħu nimxu tassew fit-triq li wriena hu u b’qalb marbuta miegħu, ħalli dejjem nagħżlu dak li hu sewwa.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply