Nippreferi Nsewwi Milli Narmi

Print Friendly, PDF & Email

Trabbejt b’ġenituri prattiċi ħafna.  Kull fejn setgħet, ommi kienet tuża oġġett aktar minn darba.  Folja aluminju kienet taħsilha u terġa’ tużaha. Jekk jitqatta’ liżar, tieħu t-tajjeb minnu u tagħmel investi jew paljazzi. Missieri kien idum isewwi l-par żarbun li kellu qabel jixtri wieħed ġdid. Sakemm kien jista’, kien isewwi sopraporta, radju, swiċċ, rota, xkaffa, u x’naf jien.

Edward Tagliaferro

Jien drajt bħalhom. Sħabi kienu jgħajruni xħieħa u għalhekk, mhux ta’ b’xejn, ġieli xtaqt li ntiha għall-ħela biex nuri li għandi bżar xi nroxx.  Imma f’daqqa waħda mietet ommi ħabta w sabta. Hawn irrejalizzajt li, waqt li jkollok xi ħaġa jew xi persuna prezzjuża f’ħajtek, ikun jaqbillek li tħobbha, tgħożża, tieħu ħsiebha, tikkuraha meta timrad u ssewwieha meta tinkiser. Dan jgħodd għaż-żwieġ, karozzi, tfal li jeħlu f’xi eżami, kelb b’xi mankament, ġenituri u nanniet li qed jixjieħu. Dawn il-ħwejjeġ prezzjużi mhux ta’ min jarmihom imma li ddum kemm tista’ żommhom qrib tiegħek . Bħal, ngħidu aħna, ħbieb tajbin li qishom kwiekeb.  Mhux bil-fors tarahom kuljum, imma taf li dejjem se jkunu hemm għalik.

Dan kollu jgħin lin-Nisrani biex dejjem iżomm quddiem għajnejh li kulma għandu mhux tiegħu imma ġie misluf lilu minn Alla biex, jinqeda hu wara li jkun għamel żgur li l-proxxmu tiegħu hu moqdi u ferħan.  Kif kienet tgħid Santa Madre Tereża: “Give till it hurts.”  Fil-fatt, meta niġi wiċċ imb’wiċċ m’Alla mhux se jsaqsini…kemm domt biex sibtU, imma jekk, meta sibtu, stedintux jgħix fija;

kemm kienet lussuża il-karozza li kelli, imma kemm rikkibt lil min ma kellux biex jixtri waħda;

x’dar kbira kelli, imma kemm ilqajt barranin fiha;

… kemm kelli ħwejjeġ x’nilbes, imma kemm libbist lil min ma kellux għaxja ta’ lejla;

… x’salarju kelli, imma jekk xaħħamtx lil xi ħadd biex nieħu promotion;

… x’titli kelli fuq ix-xogħol u kemm kelli ittri wara ismi, imma kemm qdejt dmiri b’kuxjenza safja;

… kemm ħbieb kelli, imma kemm nies fittixt biex inkun ħabib tal-qalb għalihom;

… f’liema nħawi kont noqgħod, imma kemm kont ġar tajjeb;

… x’kulur tal-ġilda kelli, imma kemm kelli karattru sod u onest;

… kemm domt biex sibtU, imma jekk, meta sibtu, stedintux jgħix fija;

… kemm akkumulajt flus, imma kemm użajthom sew għas-servizz tal-proxxmu, l-aktar dawk meqjusin l-ifqar fost il-fqar.

Kitba ta’ Edward Tagliaferro

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.