Qisha waqgħet id-dinja!

Għax ġie kont ta’ biċċa xogħol naqra għoli? … X’waħdadin! X’biċċa nqalgħet! … Mà! Għamel id-dinja baħar! Għax ma nafx x’inqala’ fid-dar, fil-post tax-xogħol, jew fil-kunvent? … Ma! X’biċċa ġralna! Qisu aħna immuni li l-postijiet fejn ngħammru qatt ma jista’ jiġrilhom il-ħsara! Insomma! Tagħmel x’tagħmel dejjem inġibuhom bi kbar! U bi kbar ħafna! U tat-tqażżiż!

X’ħasra hux! U x’ħela ta’ enerġija għal xejn! Għaliex bniedem għandu jġibhom bi kbar daqshekk? Hu ġustifikat li bniedem jġib id-dinja fit-tarf għal kull problema li tinqala’? U, ngħid jien, għaliex bniedem iħoss il-bżonn li jagħmel plejtu fuq xejn? X’sens fiha? Tgħid veru li hu mdejjaq bih innifsu? X’qed turi fuqu nnifsu din il-kilba kollha li għandu li juri li qed jagħmel xi ħaġa? X’hemm fih li qed jimmotivah li jrid jgħid lid-dinja kollha b’dak li qed jagħmel? Qisu hu s-salvatur ta’ din id-dinja? Tgħid qed jibża’ li, għada pitgħada, se jintesa? Forsi għalhekk qed jitqanżaħ li ma ngħidlekx biex ħaddieħor ikun jaf, akkost tax-xenati, li qed jagħmel xi ħaġa? Mela x’biża għandu li ħadd mhu ħa jsemmieh aktar?

Ħa jkun jaf min diġà hu maqbud f’din is-sintina ta’ ħajja li, miskin u miskina, diġà qed jintesa! U tintesa! Għax min hu bla moħħ li irid jibqa’ ifakkar persuna bħal din? Mimlija biha innifisha? Mhux talli persuna hekk ma tbierkekx talli bil-kontra. Għax l-ispirtu fiha hu ħażin! Jaħasra! Kemm hemm kurrenti ta’ sforzi minn taħt biex nies bħal dawn, jekk jista’ ikun, titħassar tifkirithom anki meta jkunu għadhom ħajjin! Għax, it-tifkira tagħhom hi mimlija tilja velenu li joqtol kull nifs ta’ ħajja, tama u ferħ li jistgħu jinbtu madwarhom!

Il-bniedem li jgħix f’dan iċ-ċiklu diżażtruż ta’ narċisiżmu sfrenat hu agħar mill-bombi kimiċi u batterjoloġiċi! Dan l-għaliex, miskin, il-bniedem li jinqabad f’dan iċ-ċirku tal-mewt għandu bżonn jifhem li fejn ikun ibqa’ ċert u ċerta li jkun qed jivvelena kull nitfa’ ta’ faraġ u kuraġġ li jista’ jinbet madwaru. Bniedem maħkum minn dan l-ispirtu ħażin għadu ma jafx kemm qed jagħmel vittmi u kemm nies qed jitolbu lill-Mulej biex jinħelsu mill-ħakma tiegħu! Għalhekk, min qiegħed f’dan iċ-ċirku vizzjuż, ħa jiftaħ qalbu u qalbha għal dawn ir-riflessjonijiet sempliċi li jistgħu jgħinuh u jgħinuha biex jirrejalizza u tirrejalizza ftit il-ħsara kbira li qed jagħmlu lil ta’ madwarhom għax qed ikissrulhom il-paċi ta’ qalbhom bix-xenati tagħhom. Jalla meta jaqraw dawn il-ħsibijiet dawn it-talin ifittxu ftit għajnuna ħa jfiqu u jfejqu lil ta’ madwarhom mill-ġrieħi li kkawżawlhom bl-imġieba infernali tagħhom.

Jekk jien qed nagħmel id-dinja baħar fuq problema żgħira ħa nammetti li quddiem ċertu problemi m’għandix kontroll. Jekk qed naħseb mod ieħor allura veru li qiegħed ottu u sirt impossibbli! It-tieni, ejja nemmen li hemm qawwa ħafna akbar minni li tista’ tgħini. Mela, ejja, għal darba, inkun umli u nintelaq f’idejh. It-tielet, ħa nagħmel id-deċiżjoni li nreġġa’ ir-rieda tiegħi u ħajti lura lejn il-kura tal-Mulej. Wara kollox mhux Hu l-Alfa u l-Omega? Ir-raba,’ ejja inżur naqra t-tagħlim tal-Knisja u nagħmel lista ta’ kif għandi nġib ruħi. Il-ħames, ħa mmur għall-qrar ħalli minn hemm nistenna l-ħniena, il-grazzja u l-fejqan. Is-sitta, ejja jkolli l-fidi li l-Mulej jista’ jneħħili l-ħażen mill-ispirtu tiegħi. Biex nieħu kuraġġ f’dan kollu nista’ nistudja l-ħajjiet tal-qaddisin biex nitgħallem minnhom dwar l-ispirtu t-tajjeb tal-ubbidjenza lejn il-Mulej.

Is-seba’, ħa nkun umli u mmut għall-inkwiet li nħoss ibaqbaq fija innifsi filwaqt li nħalli lill-Mulej jimlini Hu. It-tmienja, ejja ma nwaqqax lili nnifsi. Dik m’hix umiltà imma assorbiment tiegħi nnifsi. Id-disa’, permezz tat-talb u l-meditazzjoni nara kif intejjeb ir-relazzjoni tiegħi mal-Mulej billi nitlob għax-xewqa li nwettaq ir-rieda tiegħU. L-għaxra, ejja nfittex kif ħa naqdi lil oħrajn. Il-ħdax, ma niġġudikax lill-oħrajn. Wara kollox aħna ilkoll qegħdin fuq vjaġġ. It-tnax, ħa nagħmel parti mill-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida! Ħa nwassal il-Vanġelu permezz tat-talb, tal-kelma u tal-għemil. 

Kelma sabiħa mill-esperti tal-Mulej, il-qaddisin, żgur li tinżilli għasel. Bihom il-Mulej jagħmilli tant u tant ġid! Jekk kien hemm xi ħadd li kellu d-dritt li jkun imkabbar kien Ġesù. Santa Fawstina tgħidli: Min irid jitgħallem umilta’ vera għandu jirrifletti fuq il-Passjoni ta’ Ġesu’ (Djarju, 267).  Jekk l-umiltà hi tajba biżżejjed għall-Mulej allura hi tajba biżżejjed għalija. Darba Santu Wistin qal: Hemm xi ħaġa fl-umiltà li, b’mod stramb, teżalta lill-qalb. Qal ukoll: Kienet is-suppervja li biddlet lill-anġli fi xjaten. Hi l-umiltà li tagħmel lill-bnedmin anġli. Jgħid ukoll: Trid togħla ‘il fuq? Ibda’ billi tiċkien. Qed tippjana torri li jinfed is-sema? Poġġi l-ewwel is-sies tal-umiltà.

Aktar milli tgħaddi tagħna l-ħin kollu l-logħba qiegħdha f’li nħallu lill-Mulej li tgħaddi tiegħu magħna. Meta nagħmlu hekk qatt ma nagħtu wisa’ lix-xitan li xi darba tgħaddi tiegħu magħna. San Vinċenz de Paul jurini: L-aktar arma qawwija biex nirbaħ lix-xitan hi l-umiltà. Għax, ġaladarba ma jafx kif jużaha, lanqas ma jaf kif jiddefendi lilu nnifsu minnha. Hawnhekk jerġa’ jidħol Santu Wistin fix-xena meta jgħallimni: L-umiltà hi s-sies tal-virtujiet l-oħra. Għalhekk, fir-ruħ li fiha din il-virtù ma teżiżtix ma jistax ikun hemm virtù oħra għajr sempliċiment id-dehra tagħha. Ma rridx lanqas ninsa xi tfakkarni Santa Tereża ta’ Avila: Hemm aktar valur fi ftit studju dwar l-umiltà u att wieħed biss tagħha milli t-tagħrif kollu tad-dinja. Kien għalhekk mela li Thomas à Kempis, fil-ktieb tiegħu L-Imitazzjoni ta’ Kristu jfakkarni: Fis-sewwa, raħħal umli li jservi l-Mulej hu aħjar mill-intellettwali kburi li jwarrab ruħu biex jistudja l-mixja tal-kwiekeb.

Mulej, eħlisni minni nnifsi, biex nista’ inservik, biex inkun nista’ inħobbok, biex jirnexxili nisimgħek f’kull wieħed minn ħuti li int tlaqqagħni miegħu. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading