Ġwanni bniedem ħieles

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 27 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ San Ġwann il-Battista. Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, Xewkija.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-quddiesa-pontiifikali-festa-san-gwann-il-hadd-27-ta-gunju-2021″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Alla hu preżenti f’kull sitwazzjoni tal-ħajja tagħna. Kultant nindunaw bih, imma ħafna drabi ma nagħtux kas. Meta tiġri xi ħaġa straordinarja, mhix tas-soltu, jew fil-pożittiv jew fin-negattiv, nistgħu nsibuh jekk infittxuh jew nistgħu nħossuna aħna l-protagonisti, iċ-ċentru ta’ dak li ġara. Jekk fil-pożittiv għax mertu tagħna, jekk fin-negattiv għax aħna vittma, għax xi ħadd insiena u telaqna. U l-istorja tal-familja li qegħdin infakkru u niċċelebraw illum mhix għajr l-istorja tal-preżenza ta’ Alla fid-diffikultajiet, fil-ħajja normali u fil-mumenti sbieħ.

Taħsbu li ma kienx diffiċli għal Eliżabatta u għal Żakkarija jgħixu għal żmien twil fl-istennija ta’ tarbija, huma li kienu daqshekk qrib tat-Tempju ta’ Ġerusalemm? Hi kienet ġejja mit-tribù tas-saċerdoti u hu kien saċerdot. Kienu jafu illi jekk id-dixxendenza tal-Messija setgħet xi darba jew oħra tmiss mill-bogħod jew mill-qrib mal-familja tagħhom, kien meħtieġ illi jkollhom wild. Taħsbu li Żakkarija u Eliżabetta ma qalgħux problemi ta’ relazzjoni bejniethom? Taħsbu li ma kellhomx problemi ta’ x’inhuma jgħidu n-nies? Taħsbu li ma kellhomx diffikultà ta’ kif iħarsu lejhom is-saċerdoti u n-nies importanti li kienu jafu, li forsi kienu ħbieb tagħhom? Taħsbu li ma kellhomx diffikultà ta’ kif se jispjegaw il-ħaġa mal-qraba u l-ħbieb tagħhom, kull darba li wiċċ imb wiċċ jiltaqgħu ma’ din id-diffikultà?

Min minna m’għandux problemi? Fejn hu Alla fid-diffikultà li qiegħed tgħix bħalissa? Alla qiegħed hemm! Meta Żakkarija jinfexx ikanta dik il-profezija sabiħa tal-Benedictus (Lq 1:67-79), hu jfaħħar lil Alla, jipprofetizza, jara minn qabel xi tfisser il-ħniena ta’ Alla. Xi tfisser il-ħniena ta’ Alla fid-diffukultà li bħalissa int għaddej minnha? Fejn hu Alla? Fejn hi l-preżenza tiegħu fl-inkwiet, fin-nuqqas ta’ rqad, fid-diffikultà u l-problema illi ma tistax teħles minnha? Fejn hu qiegħed? U Żakkarija, f’din il-profezija sabiħa, jindikalna tliet modi kif Alla jkun preżenti fid-diffikultajiet u fil-problemi tagħna.

L-ewwel u qabel kollox, Żakkarija jgħidilna b’mod sabiħ u b’mod ċar li Alla jeħlisna u fuq kollox jagħtina l-ħelsien mill-biża’. Huma liema huma d-diffikultajiet, il-problemi tal-familja, il-biża’ huwa element komuni kważi f’kull diffikultà li ngħaddu minnha.

Imma minn xiex jeħlisna iktar? Kif jagħmel ħniena magħna Alla? Fi kliem ieħor, kif Johanan (‘il-ħniena ta’ Alla’) għamel ħniena magħna? Kif hu preżenti fil-diffikultà li int qed tgħix bħalissa? Fi kliem Żakkarija, Alla hu preżenti bis-sostenn u bil-kumpanija tiegħu. Alla ma jħalli qatt lill-bniedem, tant li Żakkarija jgħidilna li jibqa’ magħna, qiegħed magħna.

U l-mod l-ieħor kif Alla jagħmel ħniena magħna fid-diffikultajiet li għaddejjin minnhom bħalissa – il-preżenza ta’ Johanan, ta’ Ġwanni, tal-ħniena ta’ Alla f’ħajjitna bħalissa – hu li Alla jagħtina l-maħfra tal-ħtijiet.

Dawn huma t-tliet modi li nsibu fil-Benedictus. Jekk aħna nirriflettu sewwa, insibuhom fl-għeruq ta’ kull problema li jgħaddi minnha l-bniedem. F’kull problema li ngħaddu minnha int u jien hemm il-biża’, u Alla qed iwiegħdek il-ħelsien mill-biża’. F’kull problema li ngħaddu minnha jien u int hemm is-solitudni: inħossni abbandunat, mitluq, mhux biss mill-oħrajn imma ħafna drabi minn Alla; u Żakkarija jiżgurana li Alla huwa magħna. F’kull problema li ngħaddu minnha ħafna drabi nispiċċaw biex nitfgħu l-ħtija jew fuqna nfusna jew fuq in-nies ta’ madwarna – is-sens qawwi ta’ ħtija li ngħixu – u Żakkarija jwegħedna l-maħfra tad-dnubiet.

Ħarsu lejn il-figura ta’ Ġwanni. Il-wegħda ta’ Żakkarija (Johanan) hija Ġwanni, hija l-persuna tiegħu. Ħarsu lejh… araw kienx bniedem ħieles! L-ewwel libertà li kellu Ġwanni kienet saħansitra minn missieru, li kien parti mill-‘establishment’ ta’ dak iż-żmien, is-saċerdozju, it-Tempju, ir-reliġjon, il-Ġudajiżmu korrott li kien jgħix dak fih dak iż-żmien, il-kult Ġudajku, il-kult Lhudi. Kollox idur mal-flus, korruzzjoni sħiħa tant illi s-Saċerdot il-kbir, bħal Kajfa, Anna, biex jiġi elett kien jikkorrompi lir-Rumani. Altru li ma kinitx sejħa ta’ Alla. Altru li kienet sempliċiment setgħa u poter. U Ġwanni, il-ħieles, il-liberu… x’jagħmel? Hu li kellu d-dritt – ma ninsewx li s-saċerdozju Lhudi mibni mhux fuq is-sejħa diretta ta’ Alla imma fuq in-nisel – li jkun saċerdot tat-Tempju, jitbiegħed mit-Tempju, jeħodha kontra r-ritwaliżmu, kontra l-formaliżmu, kontra dak li hu estern. Bniedem ħieles saħansitra mir-rabta ma’ ommu u ma’ missieru li tant xtaqu, li tant bata għalih.

Ġwanni kien liberu għax dak li kien iħoss, il-valuri li kien jemmen fihom, jew aħjar l-ispirazzjonijiet ta’ Alla li kienu jiġuh, kien jgħidhom mingħajr biża’ ta’ ħadd u ta’ xejn. Saħansitra ħieles anki minn Erodi, ħieles anki mill-mewt tiegħu, mill-ħajja tiegħu, mill-ġisem tiegħu.

Minn xiex kien aktar ħieles Ġwanni? Ma kienx se joqgħod jagħti kas kif iħarsu lejh in-nies, x’se jgħidu n-nies fuqu, hux se jikkritikawlu ħwejġu, il-livell ta’ għajxien tiegħu, id-dar sabiħa jew kerha tiegħu. X’ħelsien! U ħafna mill-problemi tagħna huma marbuta ma’ dan in-nuqqas ta’ ħelsien. Alla jrid jeħilsek, Alla jrid jeħlisna!

X’ma kienx ħieles mill-biża’ Ġwanni, li saħansitra jiġi maqtul fuq ħmerija! Imma anki minn dik kien ħieles. Mur ġib lili jew lilek tiġi kkundannat u maqtul fuq kapriċċ ta’ tfajla! Anki minn dik kien ħieles!

Kemm għandna bżonnha din il-libertà fil-ħajja tagħna! Kemm ngħixu mxekklin mill-ġudizzji tal-oħrajn! Kemm ngħixu bid-dellijiet jiġru warajna binhar u billejl! Kemm ngħixu bin-nuqqas ta’ ħelsien ta’ x’se jgħidu l-oħrajn fuqna u kultant ta’ kif jaħsibha Alla fuqi! Kemm ngħixu b’nuqqas ta’ libertà! Għandniex bżonnu lil Ġwanni llum! Għandniex bżonn ta’ Johanan, illi Alla jagħmel ħniena magħna llum!

Imma kif iktar Alla jagħmel ħniena magħna llum? Mhux biss billi jeħlisina, imma biċ-ċertezza tal-kumpanija kontinwa tiegħu fil-ħajja tagħna. Alla qiegħed magħna kontinwament tul ħajjitna u dan sa mill-bidu nett tat-tnissil u t-twelid tiegħu. Interessanti ż-żifna li għamel Ġwanni fi ħdan Eliżabetta, meta jiltaqa’ ma’ dak li kellu jiltaqa’ miegħu (ara Lq 1:41). Marija hi l-Arka l-ġdida li ġġorr fiha lill-istess Kelma ta’ Alla. Dik iż-żifna li għamel Ġwanni fil-ġuf ta’ Eliżabetta, l-istess żifna li għamel David quddiem l-Arka (ara 2 Sam 6:14-22), hu u jeħodha fit-tempju fil-belt ta’ Sijon, hija ż-żifna li jien u int ukoll nixtiequ nagħmlu f’ħajjitna, il-ferħ li jien u int ukoll tant nixtiequ fil-ħajja tagħna… li ngħid: “Iva, hekk nixtieq li tkun ħajti”. Hi żifna li għandna bżonnha: il-ferħ, l-hena li għandna bżonnu lkoll kemm aħna fil-ħajja tagħna.

Kif kienet aktar ċara fil-ħajja ta’ Ġwanni l-kumpanija kontinwa ta’ Alla? Ġwanni jitlaq fid-deżert għax il-formaliżmu u r-ritwaliżmu, dak li jidher minn barra, l-azzjonijiet waħidhom ma kinux biżżjjed biex jidħol f’intimità profonda mal-Ħallieq tiegħu. Kellu bżonn il-mumenti fis-skiet biex jagħraf illi ħajtu tibda, tkompli u tispiċċa mhux waħidha tperper, għax ħadd minna mhu awtosuffiċjenti. Ara kemm nimmaġinaw aħna li l-problemi nistgħu nsolvuhom aħna biss; ara kemm nimmaġinaw li t-tajjeb tagħna nistgħu nagħmluh aħna biss; ara kemm nimmaġinaw li n-nifs tagħna, is-saħħa tagħna jiddependu kollha minna! Imma hija kollha kemm hi immaġinazzjoni. Għandna bżonn il-mumenti tal-kwiet, il-mumenti tad-deżert illi fihom nindunaw li m’aħniex mitluqin f’dinja abbandunata, kulħadd merħi għal rasu… u min jiflaħ, iħawwel; min jiflaħ, jegħleb lil min ma jiflaħx. Ma aħniex hekk: aħna kollha kemm aħna wlied maħbubin tal-istess Missier, aħwa ta’ xulxin. Din tfisser il-kumpanija ta’ Alla fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Din tifisser ‘Johanan’ fil-ħajja tagħna.

Kif urieha aktar Ġwanni din il-kumpanija ta’ Alla f’ħajtu? Kemm-il darba jibgħat Ġwanni lid-dixxipli jistaqsu: “Morru staqsuh jekk hux hu” (ara Mt 11:2-3). X’għamel Ġwanni meta ltaqa’ miegħu? Tant għarfu li qal: “Jeħtieġ niċkien jien biex jikber hu, jeħtieġ ninżel jien biex jitla’ hu, nonqos jien biex jikber hu” (ara Ġw 3:30). Fejn? Fija! Fil-persuna tiegħu, mhux xi mkien ieħor, jiċkien hu biex jikber Ġesù. X’ma kienx marbut Ġwanni mal-persuna ta’ Ġesù!

Tgħiduli: dan kif jaffettwa l-problema tagħna? U żgur li jaffettwa l-problema tagħna! Immaġina taffronta l-problema waħdek, jew inkella tkun konvint mill-fiduċja tiegħek f’Alla. Għaddej minn xiex int għaddej, immaġina ftit x’differenza tagħmel fil-ħajja tiegħek. Ara kif Żakkarija fil-profezija tiegħu, jew aħjar Alla permezz tal-kelma tiegħu, qed jurina kif jista’ jagħmel ħniena magħna.

Imma mhux biss. Alla jagħmel ħniena magħna bil-maħfra tal-ħtijiet. Kemm ngħixu bis-sens tal-ħtija l-ħin kollu! Ħa nġibilkom eżempju sempliċi ħafna. Ġejt mix xogħol, wara ġurnata ma tarax it-tfal, u diġà konxjament jew inkonxjament ma tħossokx sew għax qed taħdem għalihom imma qed tonqoshom fl-istess waqt. It-tifel jew it-tifla jitolbok xi ħaġa u int minħabba s-sens tal-ħtija: ‘Iva, mela le!’, anki jekk imbagħad fil-fond ta’ qalbek ma taqbilx, imma għandek is-sens tal-ħtija għax tipprova tpatti għan-nuqqas ta’ preżenza.

Kemm ngħixuh is-sens tal-ħtija! Meta tiġri xi ħaġa li ma xtaqthiex… l-ewwel espressjoni li toħroġ minn fommna: ‘X’għamilt ħażin?’. Kemm ngħixu bis-sens ta’ ħtija, il-ħin kollu! U San Ġwann jagħtina ċ-ċertezza illi Alla lilna jħobbna bis-serjetà. Alla ma jħobbx lill-bnedmin bħalma l-bnedmin iħobbu lill-bnedmin. Alla jħobb lill-bnedmin bis-serjetà.

U dan kif urieh Ġwanni? B’ħajtu! Qatt indunajtu intom x’relazzjoni kellu ma’ Erodi li Ġwanni kien jikkundanna u jippunta subgħajh lejh il-ħin kollu? Ġwanni kien jikkundanna l-ħtija ta’ Erodi, kien jikkundanna kontinwament id-dnub ta’ Erodi, imma qatt ma kkundanna lil Erodi, tant li kien hemm rabta u sintonija bejniethom. Xi jfisser dan? Il-maħfra ta’ Alla. Lill-midneb Alla dejjem isalvah, jiġġustifakah, jirrispettah u jħobbu. Lid-dnub dejjem jikkundannah, lid-dnub dejjem jgħajjtlu b’ismu. Kemm inħawduhom flimkien dawn fil-ħajja ta’ kuljum!

X’tagħmel meta bintek jew ibnek jiżbalja, meta żewġek jew martek tiżbalja? Lil min tikkundanna: il-ħażen jew il-persuna? Xi tfisser il-maħfra ta’ Alla? Alla jaħfer! Kemm għandna bżonnha l-maħfra ta’ Alla! In-nuqqas ta’ maħfra hu preżenti fl-oriġni ta’ ħafna mill-problemi. Il-psikjatri kollha kemm huma jaqblu illi fil-bidu nett tad-disturbi mentali hemm in-nuqqas tal-maħfra: jew tagħna nfusna jew ta’ ħaddieħor. U mhux dejjem ikollna l-kapaċità li naħfru lill-oħrajn u lilna nfusna. Minn fejn se nġibuha din il-kapaċità jekk mhux għax Alla jagħmel ħniena magħna!

Ejew inħarsu lejn dan il-persunaġġ u ngħidulu: ‘Urina fejn hu Ġesù!’, hu li ġie biex juri fejn hu Ġesù. ‘Urina fejn hu Alla fil-ħajja tagħna! Tħalliniex nitbiegħdu minn Alla, tħalliniex infittxu lil Alla darba kultant, Alla tal-okkażjoni. Tħalliniex infittxu lil Alla fil-festa’. Alla mhux tal-festi – hu ta’ dawk ukoll – imma l-ewwel u qabel kollox hu Alla ferjali, Alla tal-ħajja ta’ kuljum… Alla ta’ filgħodu, tal-faċendi, Alla tax-xogħol, Alla tal-ħbiberiji, Alla tar-relazzjoni, Alla tar-relazzjonijiet mat-tfal: Alla tagħna hu Alla preżenti. Ejjew nitolbuh lil dan il-qaddis biex jgħinna ma nneħħu qatt mill-viżjoni ta’ għajnejna l-preżenza ta’ dak li jħobbna tassew.

Jekk Alla jrid, f’Ottubru se nibdew Pjan Pastorali. Se nippruvaw flimkien, il-poplu Għawdxi kollu, infittxu nagħmlu din il-mistoqsija: Imma Alla fejn hu f’ħajti? Imma Alla xi jrid minna? Imma Alla kif jista’ jgħin biex ħajti tkun aħjar? B’xorti ħażina, aħna għandna l-perċezzjoni li meta jidħol Alla, itaqqallek ħajtek, jagħmilhielek aktar peżanti. Jaħasra, x’idea żbaljata għandna ta’ Alla! X’idea differenti jagħtina Ġwanni ta’ Alla!

Ejjew nitolbuh lil Ġwanni llum, f’din il-festa tiegħu u tagħkom, tiegħu u tagħna lkoll, biex jagħtina l-qawwa, il-kapaċità, l-għajnejn tajbin biex nindunaw, jew aħjar nitgħallmu nindunaw, fejn hu Alla fis-sitwazzjonijiet ordinarji u straordinarji tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d bloggers like this: