Jum ta’ talb għall-migranti li mietu fil-Mediterran

Print Friendly, PDF & Email

11 ta’ Lulju: Jum ta’ talb għall-migranti li mietu fil-Mediterran

Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, 2021, aktar minn 630 rġiel, nisa u tfal għerqu fil-Baħar ċentrali tal-Mediterran, hekk kif fittxew ħajja aħjar fl-Ewropa. Skond l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), is-632 imwiet irreġistrati jirrappreżentaw żieda ta’ 200 fil-mija meta mqabbla mas-sena l-oħra. Traġedji simili, jgħidu l-Isqfijiet Taljani, “tgħeżżeż il-kuxjenzi u titlob li naraw il-fenomenu tal-migrazzjoni b’ċarezza.”

Il-Konferenza Episkopali Taljana qed tistieden lill-bnedmin ta’ rieda tajba biex fil-11 ta’ Lulju jissieħbu fit-talb b’tifkira ta’ dawk kollha li mietu fil-Mediterran u tul ir-rotot tal-art hekk kif kienu qed jaħarbu mill-faqar, kunflitti, persekuzzjoni u mit-tibdil fil-klima. Id-data ġiet magħżula biex taħbat mal-festa liturġika ta’ San Benedittu, Patrun tal-Ewropa. Għall-okkażjoni, l-parroċċi kollha huma mitluba jaqraw “Talba tal-fidili speċjali għall-migranti kollha u, b’mod partikolari, għal dawk fosthom li tilfu ħajjithom fuq il-baħar, huma u jfittxu futur aħjar”.

Waqt li wieħed jinnota li l-istatistiċi drammatiċi li qed jiġu reġistrati ta’ migranti li qed jitilfu ħajjithom fuq il-baħar hija medja ta’ erba’ persuni kuljum. L-Isqfijiet Taljani jenfasizzaw ukoll rotot ġodda li wkoll qed ikunu fatali fosthom rotta lejn l-Gzejjer Kanarji, li fl-aħħar sena kellha eskalazzjoni tremenda fin-numri.

L-Isqfijiet Taljani fakkru fl-appell li l-Papa Franġisku kien għamel fl-Anġelus tat-13 ta’ Ġunju, fejn kien qal: “li l-Mediterran sar l-akbar ċimiterju tal-Ewropa”, u jħeġġu lil dawk li jemmnu biex “jiftħu qlubhom għar-refuġjati”, u jistiednu lill-komunitajiet ekkleżjali “biex ma jinsewx lil dawk li tilfu ħajjithom huma u jippruvaw jilħqu l-kosti Taljani u Ewropej”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-07/migrants-day-of-prayer-italian-bishops-conference-11-july.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.