Xjenza versu Paċi (Fidi)
Il-Papa bagħat messaġġ lix-xjenzati li qed jipparteċipaw fil-Laqgħa Internazzjonali bl-isem ‘Science for Peace’ fil-belt Taljana ta’ Teramo. Papa Franġisku qal fost l-oħrajn: ‘Qatt qabel daqs illum m’aħna konxji mill-ħtieġa li nagħtu enfasi ġdid lir-riċerka xjentifika li tiffaċja l-isfidi tas-soċjeta’ kontemporanja.
Inħossni ferħan li l-komunita’ djoċesana ta’ Teramo qed tippromwovi dan l-avveniment li juri li m’għandux ikun hemm oppożizzjoni bejn il-fidi u x-xjenza’. Hu semma l-importanza tax-xjenza u spjega li l-progress xjentifiku għandu jkun f’kordinament ma’ forom oħra ta’ għerf. Kompla jgħid ‘ix-xjenza hija riżorsa kbira għall-bini tal-paċi! Nitlob li takkumpanjaw il-formazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda u li tgħallmuhom biex ma jkunux imbeżżgħin mit-tentattiv tar-riċerka’.
Il-Papa mbagħad feraħ lil dawn ix-xjenzati u sejħilhom ‘għalliema ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ bennejja tal-paċi’. Ta’ min ifakkar li kien il-qaddis papa Ġwanni Pawlu II li kien ħareġ l-enċiklika Fides et Ratio dwar ir-relazzjoni bejn il-fidi u r-raġuni f’Settembru 1998, sentejn biss qabel il-Ġublew il-Kbir, biex anke jindirizza fost l-oħrajn il-kontroversja ta’ Galileo Galilei li tagħha kien talab saħansitra skuża.
Rapport għal-Laikos minn Fr Geoffrey G. Attard