Tmintax-il sena ta’ xita bil-qliel ta’ barka

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ħadd 20 ta’ Ġunju 2021, sewwa sew fil-Festa ta’ Jum il-Missier, il-Mulej tani l-grazzja li nagħlaq tmintax-il sena saċerdot. Kemm jgħaddi ż-żmien ħbieb!

Għadni niftakru sewwa, qisu issa, dak il-jum famuż tal-Ġimgħa 20 ta’ Ġunju 2003 meta, il-mibki Mons. Ġużeppi Mercieca, kien ordna lili u lill-għaxar djakni oħra saċerdoti fil-kon-katidral ta’ San Ġwann. Niftakar li qabel il-funzjoni kienet għamel ħalba xita issemmix. X’xita nieżla bil-qliel kellna dakinnhar! Povri dawk li kienu mistiedna għaċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni! Aqta’ x’tixriba dabbru imsieken!

Madankollu mhux kulħadd waqaf fuq it-tixriba li kien dabbar dakinnhar. Anzi! Kien hemm oħrajn li kellhom il-kuraġġ li jaraw in-naħa l-oħra tal-munita. Tant li kien hemm min qalli li dik kienet xita ta’ barka. U barka kbira! Sintendi! Mhux kulħadd jara l-affarijiet l-istess. Għalhekk, kien hemm min reġa’ ra n-nofs l-ieħor tal-flixkun tant li wasal li qal li għalih din li x-xita hi sinjal ta’ barka għalih ma tfisser xejn. Għandu dritt wara kollox jaħsibha kif irid għalkemm meta jkollu l-grazzja li jġarrab jaf jibda’ jaħsibha xorta oħra. Għax x’jaf min ma ġarrabx! Mhux hekk?

Dan nista’ ngħidu jiena stess li ġarrabt u nġarrab. Fejn hemm il-barka stenna li s-saħta se tipprova iddeffes imnerħiha. Għax defsa! U aqta’ x’kull lanżita għandha għal dak li hu qaddis! Is-saħta tgħir taf għax mhix oriġinali imma falluta bħal min jagħmilha, ix-xitan. Mela x’ġaralek Patri biex qed tgħid hekk? Ara, ħa ngħidilkom ħbieb. Mela tlett ijiem qabel, eżattament għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ filgħaxija soffrejt attakk kontra tiegħi minn saħħara. Issa jien din qatt ma kellimtha. Imma, kif qed ngħidilkom, ix-xitan għajjur. Għax mhux oriġinali u fallut tal-falluti! Madankollu, il-Mulej aqwa bla qjies mis-sħaħar u minn dak ta’ denbu twil li jqimu. U, ta’ Alla kollu mħabba u ħarsien li hu, malajr kien, pront pront, xejjen dan l-attakk u ġabu duħħan! Fix-xejn!  

Nixtieq inħares lejn dawn it-tmintax-il sena ta’ saċerdozju, mingħajr ma jistħoqqli, bħala esperjenza ta’ xita qawwija u bil-qliel ta’ barka tal-Mulej. Il-Mulej ibierek jaf! U minnu t-tajjeb joħroġ! Imma anki meta oħti Josephine, waqt li kont qed niġi ordnat saċerdot, kellha diġà l-kanċer fuqha? Iwa ħbieb! Anki hawn dehret il-barka tal-Mulej fl-istorja! Emmnuni li ħa ngħidilkom: kieku tafu kemm barkiet ġarrabt meta oħti għaddiet minn xiex għaddiet żgur li ma temnunix! Avoja qalbi maqsuma. Il-ħafna nies li kienu ta’ sapport għalina għadni napprezzahom sallum. Kemm f’Malta u anki fl-Ingilterra fejn konna ngħixu f’dak iż-żmien. Fl-assenza ta’ xi servizzi għall-pazjenti Maltin li għandna illum xorta waħda rċevejna sapport kbir. Għax il-Mulej lill-uliedu ma jitlaqhom qatt u jħarsihom bħalma l-qroqqa tħares liż-żgħar tagħha.

Għadni niftakar fatt tassew sabiħ li seħħ f’Victoria Station f’Ottubru tal-2003. Niftakar li waqt li kont ma’ żewġ ħuti bniet f’dan l-istazzjon tfalja twila Ingliża-Afrikana ġiet fuqi u staqsietni: Int Franġiskan? U jien, li lil din it-tfalja ma kontx nafha minn Adam, weġibtha maħsud: Iwa. Imbagħad qaltli: Għax qed inħoss is-sejħa li nidħol soru Klarissa u tlabt lill-Mulej biex jagħtini sinjal. U meta rajtek liebes iċ-ċoqqa f’qalbi għedt: ‘Hawn hu s-sinjal!’ Dan il-fatt, li għal uħud, jaf kien kumbinazzjoni, urieni x’kien qed jagħmel il-Mulej f’din l-istorja tal-marda ta’ oħti. Il-Mulej ma jaħli xejn imma jdawwar kollox għall-ġid! Dan mhux lingwaġġ imma verità sagrosanta! Tista’ ma tħobbux?

Mela, din it-tfalja tidħol mas-sorijiet u għadha l-monasteru sallum! Min żmien għal żmien nitħaddtu u mhux l-ewwel darba li tgħidli: Meta nkun għaddejja minn żmien diffiċli fis-sejħa tiegħi dejjem immur fuq il-post fejn konna iltqajna. Kos hux! Li kieku jien bqajt imwaħħal fuq xi ġralha oħti u ma ċċaqlaqtx nofs pulzier minn hemm li kieku kif nista’ nara xogħol il-Mulej f’dan kollu? Kif nista’ nara l-id mimlija mħabba tiegħu, li anki fost tant tbatija, seħħilha tinseġ xi ħaġa tassew sabiħa u li għadha isseħħ sallum? Xi ħaġa li min jaf kemm qed tbierek nies? Kemm il-Mulej jaf x’inhu jagħmel ħbieb! U kemm għandi nagħlaq ħalqi, nibla’ ilsieni, u nħallieh jaħdem ta’ Alla li hu!

Issa aħfruli imma nħoss li għandi ngħidha kif inħossha għax ġarrabtha fuq oħti u fuqi stess f’dawn id-disa’ snin li ili pazjent tal-immatoloġija: Mhux veru li l-Mulej imarrad lin-nies! Jekk jogħġobkom, min jgħid hekk ikkoreġuh mill-ewwel għax qed jiżbalja bil-kbir! Il-Mulej ma jibgħatx il-mard biex joqtol lill-uliedu li tant iħobb! Għax jekk l-ebda missier u omm ma jagħmlu hekk lil uliedhom, u dawn il-ġenituri midinbin, kif qatt jista’ ikun li l-Missier tagħna tas-Sema jmarrad lilna, l-għeżież uliedu? Tgerfixa bħal din m’għandhiex dritt li tibqa’ tiċċirkula fostna! Ejjew neqirduha minnufih!

Ara kieku għedtli li l-Missier tagħna tas-Sema jippermetti dawn iċ-ċirkustanzi iebsa tal-mard biex minnhom, minkejja tant uġiegħ u qsim ta’ qalb, joħroġ il-ġid, hemmhekk għalaqtli ħalqi. U dan ngħidu mill-istorja ta’ oħti u tiegħi stess. Veru! Il-Mulej joħroġ ġid kbir kull darba li nħalluh jaħdem fina u bina kif irid Hu. Mhux importanti li jkollna t-tweġiba. Xi drabi aħjar mingħajrha. Imma meta nara din ix-xita ta’ grazzji sseħħ quddiem għajnejja, emmnuni li ma nistax nibqa’ aktar fommi magħluq! Inħossni mbuttat mill-Ispirtu tal-Mulej biex infaħħar lil Alla ferħ u hena tiegħi (S 43:4) tal-ġid li għamel miegħi!

U infaħħru wkoll tal-ġid kbir li jagħmel ma tant pazjenti fl-isptarijiet. Ibda’ mill-mibki Sptar San Luqa, minfejn bdejt ħajti ta’ kappillan fl-4 ta’ Settembru tal-2004 u mbagħad f’Mater Dei, fejn bdejt ħidmieti nhar is-17 ta’ Novembru 2007 u spiċċa issa, preżentement, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fejn bdejt il-vjaġġ ta’ kappillan ma’ ħutna l-pazjenti tal-Onkoloġija nhar is-26 ta’ Marzu 2020. Is-saċerdozju tiegħi f’dawn l-aħħar tmintax-il sena għextu fl-isptar. U, jekk tridu tagħtuni rigal tal-anniversarju tal-ordinazzjoni tiegħi komplu itolbu għalija biex is-saċerdozju li l-Mulej tani nissokta nqattgħu KOLLU fl-isptar, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fejn jien pazjent mal-pazjenti u kappillan li qed jimxi mal-pazjenti, il-familjari u l-membri tal-istaff.

Din hi l-barka ta’ ħajti. U, tant kemm hi barka li niddefinixxi lili nnifsi bħala L-PATRI TAL-ISPTAR! Iwa! Jien Kapuċċin għax jien il-PATRI TAL-ISPTAR! Din hi l-missjoni tiegħi hawn fl-art. Mill-esperjenza ta’ kuljum, mill-ħafna modi kif ikellimni l-Mulej stess b’ħafna nies u anki minn dak li rċevejt f’Medjugorje meta l-Ispirtu s-Santu laqqagħni max-xbieha ta’ San Leopoldu Mandic qed jitlob fuq marid fis-sodda, il-viżjoni għalija tal-Missier hi ċarissima! JIENA L-PATRI TAL-ISPTAR SAL-AĦĦAR NIFS TA’ ĦAJTI!

Għalhekk, mal-kanzunetta mill-isbaħ li tiftaħ il-programm fuq Radju Marija Il-qrar jfejjaq mill-imrar, nixtieq inkanta ma’ ħabibi u l-għalliem tiegħi, il-Kroat Leopoldu: Nije moja duša prazna! Ruħi mhix vojta! Għax mimlija b’xita ta’ barkiet! Li jiġu fuqi għax qiegħed ħdejn Dak li, la nagħlaq għajnejja, se jgħidli: Kont marid u ġejt tarani (Mt 25:36).

Xi tmintax-il sena ta’ xita bil-qliel ta’ barka kienu dawn! Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla!

Patri Mario Attard OFM Cap