L-imħabba fis-salib

Print Friendly, PDF & Email

Kemm ilni li l-Mulej tefagħni naħdem, lejl u nhar, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, ħaġa waħda qed jgħallimni ħuti: kemm hawn min jaf iħobb fis-salib tat-tbatija!

Anki jekk f’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija wieħed jifhem il-miżuri li jittieħdu biex titħares is-saħħa ta’ kulħadd, ibda’ mis-saħħa ta’ persuni mill-aktar vulnerabbli, il-pazjenti tagħna, xorta waħda wieħed jibqa’ imsaħħar u bla kliem għall-imħabba li tintwera lil dawn ħutna li qed ibatu fis-skiet! Emmnuni ħuti li kull darba li mmur f’kamarti, wara ronda tajba fis-swali, ħaġa titla’ f’qalbi: l-imħabba fostna, għall-grazzja tal-Mulej, ma ixxuttatx! Għadha ma skarsatx! U allaħares qatt li xi darba tasal f’dan il-livell tant baxx u viljakk tal-eżiżtenza tagħna l-bnedmin u anki bħala Maltin! Għax imbagħad …

Meta nara quddiemi tant għemejjel sbieħ ta’ fedeltà minn viżta, telefonata, messaġġ fuq il-mobile jew Whats App, kartolini għal x’ma nafx jien, għajnejn qalbi jimtlew bid-dmugħ sħun ta’ ringrazzjament lill-Mulej li għadna nieħdu ħsieb lill-għeżież tagħna. U kemm jiddispjaċini meta xi wħud, li tassew ikunu imxew u sieħbu lill-maħbubin tagħhom tul din it-telgħa tal-kalvarju, għal xi raġuni ma jkunux hemm fil-ħin meta dawn iħallu din id-dinja. Kemm il-biki ta’ qsim il-qalb tagħhom jidħol f’qalbi! Mhux imma biex iħallini hemm, issummat, ma nagħmel xejn bl-inkwiet. Xejn affattu! Anzi aqta’ kemm jgħinni nitgħallem ħa niftakar u nfakkar! ….

Iwa! Ħa niftakar u nfakkar li t-tajjeb li għandna nagħmlu nagħmluh issa. U dak li għandna nsewwu ħa nsewwuh issa. Għax għada jaf ikun tard wisq! Qed niftakar f’dik il-bint u f’dak l-iben li webbsu rashom u ma jridux jżuru lil ommhom u lil missierhom. Għalkemm il-Mulej ilu jibgħatilhom fuq li jibgħatilhom messaġġi biex dan jagħmluh jibqgħu ma jridux isewwu r-relazzjoni tagħhom magħhom. Meta trid iżżurha lil għażiża ommok u lil għażiż missierek, meta jiksħu fuq l-irħama? Jekk hemm xi kwistjonijiet fuq wirt jew flus irranġawhom issa, la għadkom ħajjin! Sibu min jista’ iħabbibkom flimkien u mhux tmorru tiftħu qalbkom għand min aktar isaħħankom kontra xulxin!

U, wara kollox, ejjew ma ninsewx li jekk se nwebbsu rasna lil uliedna, li jinnutaw dak li qed jiġri, inkunu qed ngħallmuhom biex jagħmlu l-istess ħaġa magħna. Dan għerf ħbieb li nimpikaw jew inkella bluha?

L-imħabba hi ħallieqa! Dejjem tara x’ħa tivvinta biex tħobb! Isimgħu x’jgħallimna l-Papa Nisrani Kopt Shenouda III: Jekk m’għandek xejn x’tagħti lin-nies agħtihom tbissima sabiħa u kelma ħelwa, agħtihom l-imħabba, agħtihom il-ħlewwa, agħtihom kelma ta’ inkuraġġiment, agħtihom qalbek.

Hemm hi l-imħabba fis-salib!

Patri Mario Attard OFM Cap