Filwaqt li sellem lill-fidili fi Pjazza San Pietru f’Ħadd xemxi, l-Papa Franġisku offra riflessjonijiet dwar il-qari tal-Vanġelu tal-ġurnata li jitkellem dwar il-folol li ġew wara Ġesù, wara li kienu raw il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Madankollu, l-folol ma fehmux it-tifsira ta’ dak li kien għamel Ġesù u dehru aktar imħassba dwar li jimlew il-ħobż materjali.
Il-Papa qal li aħna wkoll nirriskjaw minn din l-istess mentalità dejqa, dik li tista’ tissejjaħ “tentazzjoni idolatriċi” huwa ddeskriva bħala waħda fejn infittxu lil Alla biss għall-użu tagħna stess u l-bżonnijiet tal-mument. Dan jitlob minna li nistaqsu, “għaliex aħna nfittxu lill-Mulej?”, Huwa qal, u biex naħsbu dwar x’inhuma l-motivazzjonijiet veri tagħna, biex nikkunsidraw jekk il-fidi tagħna tikkonċernax li nfittxu lil Alla primarjament meta jkollna bżonnu u li ninsew dwaru meta nkunu sodisfatti. Il-Papa qal li huwa sewwa li nippreżentaw il-bżonnijiet tagħna quddiem Alla, imma rridu nifhmu li l-Mulej l-ewwelnett “jixtieq jgħix magħna … f’relazzjoni ta’ mħabba”, u li nkunu nafu li bi tweġiba għat-talb tagħna Hu “jaġixxi ferm lil hinn mill-aspettattivi tagħna”. L-imħabba vera hija rigal kollu, u ma tistennix favur lura, osserva l-Papa, u r-relazzjoni m’Alla “tmur lil hinn mil-loġika ta’ interess u kalkolu.”
Fil-qari tal-Vanġelu tal-lum, il-folol imbagħad jistaqsu lil Ġesù x’jistgħu jagħmlu allura biex iwettqu l-opri t’Alla. Il-Papa qal li kien bħallikieku qed jistaqsu kif immorru minn fidi li hija mħassba biss dwar il-bżonnijiet immedjati tagħna għal waħda li togħġob lil Alla. It-tweġiba ta’ Ġesù, qal il-Papa, hija “li x-xogħol t’Alla huwa li jilqa’ lil Dak li l-Missier bagħat, jiġifieri lilu nnifsu, Ġesù.” Iċ-ċavetta hawnhekk hija “li nilqgħu lil Ġesù f’ħajjitna, ngħixu storja ta’ mħabba miegħu”, rrimarka l-Papa, u qal li Ġesù biss jista’ jippurifika l-fidi tagħna u jsaħħaħ ir- “relazzjoni ta’ mħabba” miegħu. Huwa fissirha fil-qosor: “qabel l-affarijiet li nirċievu u nagħmlu, hemm Hu li rridu nħobbu”.
Dan l-istess ħsieb japplika wkoll għar-relazzjonijiet umani u soċjali tagħna, żied il-Papa, u qal li għandna nkunu konxji meta nirriskjaw li nużaw lil ħaddieħor għall-interessi tagħna stess. Huwa enfasizza li fis-soċjetà għandna nżommu n-nies fiċ-ċentru tat-tħassib tagħna aktar milli sempliċement fl-interessi. Bħala konklużjoni, qabel ma mexxa r-reċita tal-Anġelus, huwa qal, “ejjew nilqgħu lil Ġesù bħala l-ħobż tal-ħajja u, billi nibdew mill-ħbiberija tagħna miegħu, nitgħallmu nħobbu lil xulxin” b’mod liberu u abbundanti, waqt li nħarsu lejn l-eżempju tal-Verġni Mbierka Marija “li għexet l-isbaħ storja ta’ mħabba ma’ Alla” u tista’ tgħinna nirċievu din il-grazzja.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-08/pope-at-angelus-welcome-jesus-as-the-bread-of-life.html