Qari tat-Tlieta tat-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tlieta

Qari I

Samwel dilek lil David quddiem ħutu, u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.

1 Sam 16, 1-13

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, 1il-Mulej kellem lil Samwel: “Kemm se ddum qalbek sewda għal Sawl, meta jien neħħejtu minn sultan fuq Iżrael? Imla l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibagħtek għand Ġesse l-Betlemita, għaliex minn fost uliedu jien għażilt għalija sultan”. Samwel wieġeb: “Kif nista’ mmur? Jekk ikun jaf Sawl, joqtolni!” Il-Mulej wieġbu: “Ħu għoġla miegħek; għid li mort biex tagħmel sagrifiċċju lill-Mulej. Sejjaħ lil Ġesse għas-sagrifiċċju; jien imbagħad nurik x’tagħmel; u lil min ngħidlek, tidlikhuli sultan”.

U Samwel għamel kulma qallu l-Mulej u mar Betlehem. Ix-xjuħ talbelt marru jilqgħuh imriegħda, u staqsewh: “Ġejt hawn bis-sliem?”. U hu wieġeb: “Bis-sliem. Ġejt biex noffri sagrifiċċju lill-Mulej. Tqaddsu u ejjew miegħi għas-sagrifiċċju”. U hu qaddes lil Ġesse u ’l uliedu u sejħilhom għas-sagrifiċċju.

Ġara li, malli waslu, Samwel ra lil Elijab u qal: “Hawn quddiem il-Mulej il-midluk tiegħu?” U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta’ persuntu, għax jien diġà warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb”. Ġesse sejjaħ lil Abinadab u ressqu quddiem Samwel, u dan qal: “Anqas lil dan ma ħatar il-Mulej”. U Ġesse ressaq lil Samma. Samwel qal: “Anqas lil dan ma ħatar il-Mulej”.

Ġesse ressaq quddiem Samwel sebgħa minn uliedu; imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar lil ħadd minn dawn”. U ssokta jgħidlu: “Dawn huma t-tfal kollha?” Wieġbu Ġesse: “Għad fadal iż-żgħir, qiegħed jirgħa n-nagħaġ”. U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u ġibu, għax ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn”. U bagħat għalih u ġiebu: kien żagħżugħ ruxxan, għajnejh ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u idilku, għax dan hu!”. U Samwel ħa f’idejh il-qarn biż-żejt, u dilku quddiem ħutu. Minn dakinhar ’il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 88 (89), 20.21-22.27-28

R/. (21a): Sibt ’il David, qaddej tiegħi

Dhert fl-imgħoddi lil ħbiebek u għedtilhom:

“Jien qegħedt il-kuruna fuq ras wieħed qalbieni;

ħtart żagħżugħ u għollejtu fuq il-poplu. R/.

Sibt ’il David, qaddej tiegħi,

biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu

tkun idi dejjem miegħu,

u nsaħħu wkoll bi driegħi. R/.

Hu jsejjaħli: “Int missieri u Alla tiegħi,

fortizza u salvazzjoni tiegħi!”

U jiena nagħmlu l-iben il-kbir tiegħi,

l-ogħla fost is-slaten tal-art”. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Efes 1, 17-18

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom

biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt.

Mk 2, 23-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, f’jum is-Sibt Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu, huma u mexjin, bdew jaqtgħu s-sbul. U l-Fariżej staqsewh: “Ara! Għaliex qegħdin jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?”. U hu qalilhom: “Qatt ma qrajtu x’għamel David meta kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu, kif daħal fid-dar ta’ Alla, fi żmien il-qassis il-kbir Abjatar, u kiel il-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, li ħadd ma kien jista’ jieklu ħlief il-qassisin, u ta minnu wkoll lil min kien miegħu!”. U qalilhom: “Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt. Għalhekk Bin il-bniedem tas-Sibt ukoll huwa sid”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu