It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – L-Erbgħa
Qari I
David rebaħ lill-Filisti bi żbandola u b’ċagħqa.
1 Sam 17, 32-33.37.40-51
Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien, David qal lil Sawl: “Ħadd ma għandu jaqta’ qalbu minn dan Goljat. Jien, il-qaddej tiegħek, immur niġġieled ma’ dan il-Filisti”. Sawl wieġeb lil David: “Int ma tistax tmur quddiem dan il-Filisti u tiġġieled miegħu, għax int għadek żagħżugħ, u hu raġel tal-ġlied sa minn żgħożitu”. U David qallu: “Il-Mulej, li ħelisni minn ħalq l-iljun u l-ors, jeħlisni minn dan il-Filisti”. Wieġeb Sawl: “Mur, u l-Mulej ikun miegħek”.
David ħa l-ħatar f’idu, għażel ħames ċagħqiet lixxi mill-wied, u qegħedhom fil-ħorġa ta’ ragħaj li kellu; ħa wkoll l-iżbandola f’idu, u qarreb lejn il-Filisti. Il-Filisti resaq lejn David bil-mod, u raġel bit-tarka quddiemu. Malli lemaħ lil David, stmellu, għax rah żagħżugħ, ruxxan u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Filisti qal lil David: “Xi ħsibtni lili, xi kelb, biex ħriġt għalija bil-ħatar?” U beda jisħet lil David bl-allat tiegħu. U ssokta jgħid lil David: “Ejja lejja, biex nagħti laħmek lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem tal-art”.
David wieġeb lill-Filisti: “Inti ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u bil-vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-Mulej tal-eżerċti, Alla tal-armata ta’ Iżrael, li int sfidajt. Illum stess il-Mulej jagħtik f’idejja, u jien nidorbok, naqtagħlek rasek minn fuqek, u ’l ġismek u l-iġsma tal-armata tal-Filistin nagħtihom illum stess lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem tal-art. U kulħadd isir jaf li hemm Alla f’Iżrael. U din il-kotra tagħraf illi l-Mulej ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza; għax il-gwerra f’idejn il-Mulej, u llum se jitlaqkom f’idejna”.
Il-Filisti qam u resaq lejn David; malli dan, David mar jgħaġġel fil-post tal-ġlied jiltaqa’ mal-Filisti. Daħħal idu fil-ħorġa, ħa minnha ċagħqa, waddabha bl-iżbandola, u laqat il-Filisti fi ġbinu: iċ-ċagħqa daħlet fi ġbinu u hu waqa’ għal wiċċu fl-art. Hekk David rebaħ lill-Filisti bi żbandola u b’ċagħqa; laqtu u qatlu, bla xabla f’idu. David qabeż fuq il-Filisti, u waqaf fuqu, ħadlu x-xabla mill-għant, qatlu u qatagħlu rasu biha. Malli l-Filistin raw li miet il-bniedem kampjun tagħhom, ħarbu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 143 (144), 1.2.9-10
R/. (1a): Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi
Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi,
li jħarriġli idejja għat-taqbida
u subgħajja għat-taqtigħa. R/.
Tieba tiegħi u qawwa tiegħi,
kenn tiegħi u ħellies tiegħi,
tarka tiegħi, fih jien nistkenn;
hu li jrażżan il-popli taħti. R/.
O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek,
fuq arpa ta’ għaxar kordi ngħannihielek.
Int li tagħti r-rebħa lis-slaten,
li teħles lil David, il-qaddej tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ara Mt 4, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna
u fejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
“X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt, issalva ħajja jew toqtolha?”
Mk 3, 1-6
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù 1raġa’ daħal fis-sinagoga, u kien hemm raġel li kellu idu niexfa. U qagħdu jgħassulu jekk ifejqux f’jum is-Sibt, biex ikollhom fuqiex jixluh. Imma hu qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, ejja fin-nofs”. Imbagħad staqsa lilhom: “X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt, ġid jew deni? Issalva ħajja jew toqtolha?”. Iżda huma baqgħu siekta. U xeħet ħarsa qalila madwaru fuqhom, imnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija ta’ qalbhom, u qal lir-raġel: “Midd idek!” Dak meddha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha. U l-Fariżej ħarġu; minnufih bdew jiftiehmu mal-Erodjani kontra tiegħu kif jeqirduh.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu