Qari tal-Ġimgħa tar-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Ir-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ġimgħa

Qari I

David għanna kliem ta’ glorja lill-Mulej b’qalbu kollha, u ħabb lil Dak li għamlu.

Sirak 47, 2-13 (gr. 2-11)

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Bħalma jingħażel il-grass mis-sagrifiċċju tas-sliem,

hekk ukoll intgħażel David minn ulied Iżrael.

Kien jilgħab bl-iljuni bħalkieku gidien,

u bl-orsijiet bħalkieku ħrief mill-merħla.

F’żgħożitu ma qatilx ġgant

u neħħa għajb minn fuq il-poplu,

meta rafa’ idu b’ċagħka fl-iżbandola

u tafa’ fl-art il-kburija ta’ Gulija?

Għax sejjaħ lill-Mulej, lill-Għoli,

u tah is-saħħa t’idu l-leminija biex joqtol bniedem ta’ ħila għall-ġlied,

ħa jgħolli l-qawwa tal-poplu tiegħu.

Hekk tawh glorja għall-għaxart elef,

u faħħruh huma u jbierku l-Mulej

meta tawh il-kuruna ta’ glorja.

Għax qered l-għedewwa ta’ madwaru,

u ġieb fix-xejn il-Filistin li kienu kontrih,

u farrak il-qawwa tagħhom sal-lum.

F’kulma għamel radd ħajr lill-Qaddis,

lill-Għoli, bi kliem ta’ glorja,

u għanna b’qalbu kollha,

u ħabb lil Dak li għamlu.

U qiegħed għannejja quddiem l-altar

biex iħollu leħenhom b’melodija ħelwa.

Il-festi tahom il-ġmiel tagħhom,

u sebbaħhom għall-aħħar iż-żminijiet,

biex hekk jingħata t-tifħir lill-isem qaddis ta’ Alla,

sa minn filgħodu jidwi l-għana fit-tempju.

Il-Mulej neħħielu dnubietu,

u għollielu għal dejjem qawwietu,

u għamel miegħu patt tas-slaten,

u tah tron ta’ glorja f’Iżrael.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 17 (18), 31.47 u 50.51

R/. (ara 47b): Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

Dritta hi t-triq ta’ Alla;

safja hi l-kelma tal-Mulej.

Tarka huwa Alla

għal kull min jistkenn fih. R/.

Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!

Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

Għalhekk infaħħrek fost il-ġnus, Mulej,

u ngħanni t-tifħir ta’ ismek. R/.

Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,

juri mħabbtu mal-midluk tiegħu;

ma’ David u nislu għal dejjem. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 8, 15

Hallelujah. R/. Hallelujah

Hienja dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera,

u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ġwanni l-Battista, li jien qtajtlu rasu, hu qam mill-mewt!

Mk 6, 14-29

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, is-sultan Erodi sama’ b’Ġesù, għax ismu kien sar magħruf, u xi wħud bdew jgħidu: “Ġwanni l-Battista qam mill-imwiet; minħabba f’hekk li s-setgħat tal-mirakli qegħdin jaħdmu fih”. Imma oħrajn bdew jgħidu: “Dan Elija”. U oħrajn: “Profeta, bħal wieħed mill-profeti l-oħra”. Iżda Erodi, meta sama’ bih, qal: “Ġwanni l-Battista, li jien qtajtlu rasu, hu qam mill-mewt!”.

Għax kien Erodi stess li bagħat jarresta lil Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk”. Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista’, għax Erodi, li kien jaf x’raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża’ minnu; u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa’ mħasseb ħafna wara li jisimgħu.

Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija. Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kulma trid, u jien nagħtik kulma titlobni”. U qalilha u ħalfilha: “Titlobni x’titlobni kollox nagħtik, imqar nofs is-saltna tiegħi”. Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: “Tgħid x’nitolbu?”. “Ras Ġwanni l-Battista”, weġbitha dik. Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: “Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt”. Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jarġa’ lura mill-kelma li taha.

Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; imbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu