Ir-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Is-Sibt
Qari I
Agħti, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek.
1 Slaten 3, 4-13
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, mar is-sultan Salamun f’Gibgħon joffri s-sagrifiċċji hemm, għax fost is-santwarji dak kien l-aqwa wieħed. Salamun offra elf offerta tal-ħruq fuq dak l-altar. F’Gibgħon il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm billejl. “Itlobni x’nagħtik”, qallu Alla. U wieġbu Salamun: “Inti wrejt tieba kbira mal-qaddej tiegħek David missieri, talli hu mexa quddiemek bil-fedeltà u bil-qdusija u bl-onestà miegħek; għadek sal-lum turih din it-tieba kbira tiegħek, int li ħallejt lil wieħed minn uliedu jieħu postu llum fuq it-tron tiegħu.
B’hekk issa, Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. Il-qaddej tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li int għażilt, poplu hekk kotran li ħadd ma jista’ jgħoddu jew iqisu. Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?”.
Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk qallu Alla: “Ladarba tlabt din il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il-ħajja tal-għedewwa tiegħek – iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi – hawn jien se nagħmel kif għedt int. Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn. U mqar dak li ma tlabtnix se nagħtihulek, sew ġid sew glorja, hekk li ma jkun hawn qatt sultan ieħor bħalek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 118 (119), 9.10.11.12.13.14
R/. (12b): Mulej għallimni l-kmandamenti tiegħek
Kif jista’ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu?
Billi jħares il-kelma tiegħek.
B’qalbi kollha jiena nfittxek;
tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek. R/.
Jien żammejt kelmtek f’qalbi,
biex ma nidneb qatt kontrik.
Imbierek int, Mulej!
Għallimni l-kmandamenti tiegħek. R/.
B’xufftejja jiena nxandar
id-digrieti kollha ta’ fommok.
Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek,
daqs kieku kelli l-għana kollu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj.
Mk 6, 30-34
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kulma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu