Ġwanni Pawlu II fil-Grotte Vaticane

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIES FIL-35 ANNIVERSARJU TAL-FONDAZZJONI
TAL-KULLEĠĠ PONTIFIĊJU LITWAN TA’ SAN KAŻIMIRU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Grotte Vaticane, 5 ta’ Marzu 1981

Għeżież,

B’ferħ kbir aċċettajt li niċċelebra din il-Quddiesa għalikom fl-okkażjoni tal-35 anniversarju tal-fundazzjoni tal-Kulleġġ Pontifiċju Litwan ta’ San Każimiru. Insellem lir-Rettur, lis-Superjuri, lis-Saċerdoti, lill-istudenti u lill-exstudenti tal-Istitut venerabbli. Il-festa tallum terġà tilbes sinifikat speċjali inkwantu li qiegħda tkun iċċelebrata f’din il-Kappella affaxxinanti ddedikata lill-Omm Alla “Ausros Vartai”, waqt li tfakkar lil San Każimiru, Patrun ċelesti tal-Kulleġġ, tan-nazzjon kollu u b’mod speċjali iż-żgħożija kollha Litwana.

Bla dubju, ħamsa u tletin sena mhumiex perijodu twil fil-ħajja ta’ Kulleġġ, imma mhuwiex dan li jgħodd. Nieħu pjaċir ninnota li f’tali qasir żmien wettaqtu ħafna. Infatti mill-Istitut tagħkom ġemgħa kbira ta’ saċerdoti telqet lejn id-dinja kollha. Inħeġġiġkom biex tkomplu mexjin fuq din it-triq.

Ħejju ministri ta’ Alla. Iffurmaw bnedmin qaddisa, ta’ fidi profonda, ta’ tama qawwija u ta’ mħabba kbira. Bnedmin ta’ Alla li jirrendu xhieda lil Kristu u lill-Bxara t-Tajba. Bennejja tal-Knisja bil-kelma u bil-ħajja, fil-ferħ u fin-niket. Ir-Randan jgħallimna li permezz tas-sagrifiċċju biss naslu għar-rebħa. Lil kulħadd, u b’mod ewlieni lill-exstudenti tal-Kulleġġ, nixtieq nagħmel rakkomandazzjoni speċjali: li jfittxu bla ma jaqtgħu favur il-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Il-Knisja tinħtieġ ħaddiema, żgħażagħ u żelanti, ġodda. L-għelieqi tal-ħsad qegħdin jisfaru.

 Nafda dawn il-ħsibijiet tiegħi lil San Każimiru. Ilkoll nafu kif fi żmien qasir huwa laħaq perfezzjoni kbira. Illum, bħal djamant iżejjen x-xbiha tal-Knisja, b’mod speċjali fil-Litwanja u f’Art Twelidi. Jalla jkun għalina lkoll mudell u interċessur qawwi.

Nitlob lill-Verġni Marija, Omm il-Ħniena, li San Każimiru tant ħabb, biex tipproteġina lkoll. L-Omm ta’ Alla tinterċedi għall-Kulleġġ tagħkom u għal-Litwanja kattolika kollha, li kuljum niftakar b’imħabba fit-talb tiegħi.

Inberikkom bil-qalb ilkoll.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: