Venezja

Print Friendly, PDF & Email

Kont nissaħħar naraha fuq il-post cards jew inkella fuq xi dokumentarju! Kif din il-Belt daqshekk qadima u bi storja tant kbira qed iżżomm fuq wiċċ l-ilma? Emmnuni li m’għandix tweġiba x’ngħidilkom.

Minn dejjem xtaqt li nżurha iżda qatt ma kienet ġietni l-opportunità. Imma l-Mulej, permezz tal-ħabib kbir tiegħi l-Kapuċċin San Leopoldu Mandić, fetaħli l-bieb beraħ biex immur. Hu, ta’ iżolan li jien, li ngħix fuq Gżira ġawhra fil-Mediterran, tant li t-Taljani stess qaluli għaliha È bella Malta (sabiħa Malta), jiena wkoll salpajt minn dan il-pajjiż. Xejn xejn biex immur nimla lill-pulmuni tiegħi bl-arja friska Franġiskana li l-Italja biss, u l-ebda pajjiż ieħor fid-dinja, ma tista’ toffrili.

Wara jumejn mill-isbaħ ħdejn San Leopoldu Mandić u Sant’Antnin u anki wara ż-żjara ħelwa fil-Knisja parrokjali daqshiex ta’ Santa Giustina f’Padova, l-għada qomt ikkargat biex immur Venezja. Ftaħt għajnejja għas-6.00. Qomt, ilbist u nżilt għall-kor fejn tlabt it-tifħir tas-Sbieħ il-Jum fis-6.30 am u wara ikkonċelebrajt fil-quddiesa tas-7.00. Imbagħad, wara li qgħadt ftit ħdejn ħuti l-Patrijiet għat-8.00 irħejtilha lejn Venezja.

Fejn hu l-istazzjon tal-ferrovija? Lil ħuti u l-ġirien tiegħi Taljani kont inħobb insemmilhom il-qawl Malti: Il-mistoqsija oħt il-għerf. U meta kont infissirulhom it-tweġiba tagħhom kienet tkun hekk: È saggezza questa! (Dan għerf!). Mela, mistoqsija minn hawn u mistoqsija minn hemm, l-istazzjon tal-ferrovija nstab. Kien faċli ħafna tafux! Taqsam it-triq mis-Santwarju tagħna ta’ San Leopoldu, iddur mal-Knisja ta’ Santa Croce u tibqa’ dejjem miexi għad-dritt. Minkejja li qaluli biex naqbad it-tram jien nimxi ridt. Tant li, wara 35 minuta mixi, fl-aħħar wasalt.

Dħalt u staqsejt għall-biljetterija. X’ħin kont se ngħidilha xi ħaġa l-mara ta’ wara l-bank qaltli: “Iġri għax daqt se titlaq il-ferrovija Padova-Venezja Santa Lucia!” U veru tafux! Għax x’ħin wasalt f’binarju numru tnejn il-ferrovija kienet għadha kemm għalqet bibienha! Imbilli bqajt indum inħabbat! Kollox magħluq baqa’! Madankollu, x’ħin mort niċċekkja naqra fuq l-iskrin dlonk insib li kien hemm ferrovija oħra fuq binarju numru wieħed u li kienet lesta biex titlaq għoxrin minuta wara. Mela l-problema kienet solvuta, grazzi Mulej!

Wara ftit li telqet din il-ferrovija tasal oħra, jiġifieri tad-9.20, għall-Venezja Santa Lucia. X’ħin rajtha ħadt ir-ruħ u aqta’ kif tirt ħa nirkeb l-ewwel wieħed! Taqta’ għal xi eċċezzjonijiet it-trasport pubbliku fl-Italja hu puntwali. Ħallieha li hemm xi Taljani li ma jieqfux igergru minn filgħodu sa filgħaxija. Mela mhux biss xi Maltin li tihom jgergru! Intant…

Hekk kif waqafna Mestre telgħu tlett nisa li qagħdu n-naħa l-oħra tas-sit fejn kont bilqiegħda. Kienu Venezjani. Kemm ħadt gost nismagħhom jitħaddtu bejniethom! “Id-djalett tagħkom jogħġobni”, għedtilhom. In-nisa ħadu gost bil-kumpliment tal-Patri u, waħda minnhom, b’leħen li juri li bilkemm setgħet temmen dak li kienet għadha kemm semgħet, weġibtni: “Veru?” “Iwa! Sabiħ!” Weġbitha bl-akbar persważjoni. Fil-pront il-mara weġbitni: “Aħna nitkellmuh bil-kantaliena”. “Għalhekk sabiħ sinjura”, weġibtha jien. “Tafu li f’Malta l-ewwel poeżija li għandna fil-letteratura Maltija jisimha Cantilena?” issuktajt jien.

Għal dan il-kliem il-mara aktar ħadet gost u interessat ruħha sewwa fid-diskussjoni. Ara ftit kemm naqra ta’ kumpliment ġenwin bih il-Mulej jaf jagħmel il-ġid. Il-mentalità suspettuża li gżira taf tinjetta f’uliedha mhux dejjem tħallina nkunu ħielsa. Imma aħna nafu li m’aħniex marbutin ma’ pajjiż. Aħna kollox tagħna għax pajjiżna hu s-sema! Għalhekk, f’dan il-ħsieb marsus sewwa f’moħħi u f’qalbi issuktajt nieħu gost kemm niflaħ f’dan il-pajjiż tal-ħolm!

Kif wasalt fl-istazzjon ta’ Santa Lucia bdejt nitgħaxxaq bid-dehra mill-isbaħ ta’ Venezja. Xi ġmiel! Bqajt mingħajr kliem quddiem dak il-kapolavur quddiemi! Għalhekk, x’ħin inżilt mill-ferrovija, bil-ferħ u bl-enerġija ta’ tifel żgħir li qed igawdi l-palazz bla qjies ta’ Alla Missieru, irħejtilha lejn il-biljetterija. Il-mara ta’ wara l-ħġieġakienet minn tagħna ħafna. Qbadna parlata f’radda ta’ salib. Sirt naf li binha kien ġie Malta xi snin ilu u tgħidx kemm kien ħa pjaċir! Issa qed titwebbel li tiġi Malta hi wkoll! Jalla!

Irħejtilha lejn il-moll. Kien hemm min qalli li stajt nimxieha sa Piazza San Marco bil-mixi. Niftehmu, mixja ta’ nofsiegħa kollox. Iżda mbagħad, fil-fond ta’ qalbi, smajt bħal donnu leħen irqiq irqiq, jgħidli: “Hawnhekk darba ġejt. Mela għax ma tieħux il-vaporetto (il-lanċa)?” U ma’ dan il-leħen ħuti mxejt u mhux ma’ dak li qaluli xi nies! Għalhekk, sibt il-lanċa li tieħu għall-Piazza San Marco u irkibtha. Xi ġmiel ħuti l-Canal Grande! Avolja kulħadd kien liebes il-maskra, kif jitolbu r-restrizzjonijiet tal-covid-19, imma l-arja li bdiet dieħla fi mnifsejja kienet tal-għaġeb. Ħdejja kien hemm koppja minn Brussel. Hu għalliem fl-università filwaqt li hi għalliema tal-primarja. Kemm ħadt gost nitħaddet magħhom fuq il-lanċa!

Wara vjaġġ ta’ xi 25 minuta wasalt Piazza San Marco. Kif irfist l-art mill-ewwel stajt nara u nħoss il-glorja ta’ Venezja. Bdejt nimxi bil-mod il-mod fuq din il-gzira, għaddej mit-toroq dojoq tagħha biċ-ċoqqa. Sakemm fl-aħħar wasalt f’Calle dei Preti u, minn hemm, dort għall-Piazza San Marco. X’ħin dħalt f’din il-pjazza bqajt bla kliem! Kif inħtaft mill-kobor tagħha! Dawk il-kolonni u l-ħnejjiet li jsawru l-arkitettura tagħha serquli l-attenzjoni kollha tiegħi. Bħal ħafna turisti, li ħadu s-selfi tagħhom quddiem il-Bażilika ta’ San Mark, anki jien ridt nieħu s-selfi tiegħi. Ħadt wieħed waħdi u ieħor ma’ familja minn Genova li ltaqt magħhom fil-pjazza.

Wara din il-laqgħa tassew ħelwa ma’ dawn l-aħwa qbadt it-triq lejn il-Kattidral ta’ San Mark. Ħsibt li kont se nidħol f’radda ta’ salib sakemm fl-aħħar nara biċċa ta’ kju daqshiex li, kważi kważi, kien jibqa’ sejjer mal-faċċata kollha tal-Palazzo Ducale. “Kemm hawn nies! Meta se nidħol?!” Mill-ewwel intbaħt li kont se nibda’ nitnerves. Imma jien, li ġej minn naqra ta’ ġawhra ta’ gżira fil-qalba tal-Mediterran, l-għaliex għandi nħabbel rasi? Mhux għall-mistrieħ qiegħed hemm? Mela ejja ħa nistrieħ waqt li qed nistenna ħi!

Intfajt fil-kju. Waqt li kont hemm nistenna kien hemm koppja mir-Rumanija u qbadna nitħaddtu. F’daqqa u l-ħin nara ġejjin warajja mara anzjana Taljana tan-Naħa ta’ Fuq u saċerdot Afrikan li bħalissa qed jistudja Ruma. X’ħin rawni qabdu u iddefsu warajja ejja ħa mmorru. Grupp ta’ żgħażagħ Ġermaniżi ipprotestaw għal dan u kienet se tqum waħda. Imma l-Mulej tana kelma ta’ paċi u l-ilmijiet ikkalmaw ħelu ħelu.

Intant… Wara din iċ-ċaqliqa, li ma tantx ħalliet togħma tajba f’min kien b’xi mod involut fiha, wasalt biex nidħol fil-Kattidral. L-ewwel iċċekkjawni u, x’ħin wasalt ħdejn il-kabina ħalli nħallas bħal ħaddieħor, ir-raġel qalli: “Le Patri! Int b’xejn”. Għax rani biċ-ċoqqa. Il-mara ta’ warajja mill-ewwel qabżet qatlu: “Anki dan saċerdot”. Avolja ma kienx jingħaraf minn raġel komuni fil-mod ta’ kif kien liebes. Illum ngħid: “Jekk servejt biex dan is-saċerdot jidħol jara l-Kattidral ta’ San Marco b’xejn inħossni ferħan fuq li ferħan għalih”. Wara kollox, fil-ħajja, ħadd ma jgħix għalih innifsu!

Ħbieb, ħa nieqaf hawn għallum. Għax Venezja hi storja li tkompli …

Patri Mario Attard OFM Cap