Id-diskussjoni

Print Friendly, PDF & Email

Waħda mill-abbiltajiet li l-Mulej ta lill-bniedem hi r-razzjonlità. Xi ġmiel meta l-bniedem ikun jista’ jirraġuna!

Bħalma nafu, il-bniedem, biex jiġuh ċerti idejat bilfors ikollu jidħol f’diskussjoni ma’ ħutu l-bnedmin l-oħra. Ħadd minna ma jista’ jasal għal ħsibijiet hekk, minn rasu. Mela, bħalma int u jien ma nistgħux ngħixu għal rasna soċjalment l-għaliex niġu bżonn xulxin, daqstant ieħor intellettwalment ma nistgħux naqdfu għal rasna. Inkella ara x’geġwiġija ta’ idejat ikollna! Min jibda’ minn rasha u min minn saqajha! Tgħid l-intellettwalità jkollha sura? Żgur li le!

Barra minhekk, u f’dan id-dawl hekk importanti, wieħed jibda’ japprezza bil-kbir is-sistema edukattiva tal-pajjiż, hu liema hu. Inkluża dik ta’ Malta. X’nagħmlu mingħajr din is-sistema? Kif ħa norganizzaw l-idejat tagħna? Kif se nitgħallmu naħsbu? U kif se nsibu l-argumenti li jikkonfrontaw dak li nkunu ħsiebna xi snin qabel? Għalhekk naqbel fuq li naqbel li, minn età żgħira, lil uliedna ngħallmuhom jaħsbu.

Sintendi ma rridux le ngħallmuhom jaħsbu lil hinn minn dak li jħossu. Inkella diġà se nkunu bdejna l-mixja, jew aħjar il-pellegrinaġġ fil-ħsieb, zoppi. Le! Lil uliedna rridu ngħallmuhom jirraġunaw b’mod ħolistiku. Is-sentimenti huma mportanti. Anki dawn għandhom x’jikkontribwixxu għall-ħsieb finali. Minn naħa l-oħra ma rridux ninqabdu fid-dittatorjat tas-sentimenti! Il-miskin u l-jaħasra waħedhom jafu jagħtu viżjoni wisq parzjali, u allura diżażtruża tar-riżultat finali. Raġunar li jseħħ fuq il-miskin u l-jaħasra biss għandu fih it-tentazzjoni kbira li jiffoka fuq x’wieħed iħoss mingħajr ma jagħti każ la tal-persuni l-oħra u lanqas tal-prinċipji li jgħoddu għal kull sitwazzjoni, hi x’inhi hi.

Mela, mal-jaħasra u l-miskin irridu wkoll naraw ftit kif l-aġir tiegħi se jinfluwenza lill-oħrajn li jien maqgħud u maqgħuda magħhom. Diġà l-affinità tiegħi magħhom ħa tagħti interpretazzjoni ġdida lill-mod ta’ kif inġib ruħi. Ma ninsewx il-prinċipju: Ħadd ma jgħix għal rasu! Aħna ngħixu flimkien! Allura, dak li nagħmlu se jkollu influwenza fuq l-oħrajn ukoll. Anqas jekk dan il-fatt ma rridux inqisuh għax forsi ma jogħġobniex, xorta waħda ikollna indaħħluh fil-konsiderazzjoni tagħna. Fis-soċjetà tallum, fejn kulħadd għandu d-dritt isemma’ leħnu, jekk jien ma niġbidx il-ħabel komuni żgur li se noħloq rejazzjonijiet.

Imma l-ħabel komuni dejjem hu tajjeb? Anki f’dan il-punt wieħed għandu ħafna x’jiddibatti. Il-ħabel komuni jista’ ikun komuni għax imsejjes minn prinċipji sodi ta’ ġustizzja, fraternità, solidarjetà u l-bqija. Jekk dan hu hekk jibqa’ dejjem il-ħabel li jorbotna flimkien bħala familja waħda. Iżda jista’ jagħti każ ukoll li l-ħabel komuni jaf biss ikun sensazzjonaliżmu jew pubbliċità fiha nnifisha ta’ ideja jew kawża mingħajr l-ebda bażi ta’ prinċipji li jsaħħu lis-soċjetà. Jekk dan iseħħ dan il-ħabel komuni, minflok ma jorbot ħa jsaħħaħ jispiċċa jifga u jgħallaq. F’dan id-dawl hu tassew għaqli li wieħed jiddixxerni,jew aħjar jagħrbel jekk dan il-ħabel komuni hux ta’ min iżommu inkella ta’ min jibdlu.

U fejn wieħed jinduna bil-validità jew bil-falsità tal-ħabel komuni? It-tweġiba hi d-diskussjoni! Kemm hu importanti li nkunu kapaċi noqgħodu madwar mejda u niddiskutu flimkien. Bħan-nies għan-nies. Id-diskussjoni mhix le kamp ta’ gwerra. Lanqas mhi għalqa tal-lobbying fejn ir-regola tal-ġurnata issir min jimbotta l-aktar l-aġenda miftuħa jew moħbija tiegħu. Il-vera diskussjoni għandha tkun trasparenti. Għax, biex nieħdu deċiżjonijiet serji, irridu nġibu l-elementi kollha fuq il-mejda. Tiskanta kemm fatt jew fatti, meta jinġiebu fuq il-mejda tad-diskussjoni, jiddawlu aktar meta wieħed jinżel fil-fond tal-elementi kollha li jkunu sawruhom. Kemm hu sabiħ meta fid-diskussjonijiet ta’ bejnietna nħallu lill-Mulej jgħinna ninżlu fil-qiegħ tal-affarijiet. Mhux bl-attitudni polizjeska tat-tajbin kontra l-ħżiena daqskemm biex minn dik id-diskussjoni noħorġu aktar sħaħ minn kif dħalna. Kemm hu mportanti li nitgħallmu nikbru permezz ta’ dak li niddiskutu.

Ma ninsewx li meta qed niddiskutu flimkien qed niftħu l-bibien tar-riċerka. Fuq ċerti argumenti biex nirraġunawhom bilfors li nkunu irridu naqraw fuq li naqraw. Inkella, jekk dan ma jseħħx, qatt ma nkunu nistgħu noħorġu b’argumenti konvinċenti. Waqt id-diskussjonijiet tagħna nibdew nintebħu wkoll li xi argumenti li nġibu huma tajbin u b’saħħithom filwaqt li oħrajn huma dgħajfa. Nibdew ninnutaw ukoll li argumenti oħrajn ma jibqgħux jagħmlu sens l-għaliex ma jkollhomx razzjonalità sħiħa. Id-diskussjoni tgħallimna kemm għandna nirfinaw il-ħsibijiet tagħna.

Mill-esperjenza tad-diskussjonijiet diversi li jkolli kemm fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, man-nies u fil-kunvent ninnota wkoll li wieħed irid jivvalorizza l-apertura tal-persuna l-oħra. Hu tassew att mill-aktar umli li persuna tasal biex tgħid dak li tħoss. Anki jekk, fid-dawl tad-diskussjoni, jaf mhux dejjem jagħmel sens. Irridu nagħtu spazju lil kulħadd biex jitħaddet. Għalhekk, min jaħseb li għandu f’idejh il-miftuħ tal-għerf, għax studja jew bagħtuh jistudja, ħa jifhem ftit li fil-ħajja intellettwali tiegħu mhux ħa jkampa waħdu. Irid jinfetaħ. Inkella isir dittatur intellettwali. U dan hu risku tabilħaqq tal-biża!

Id-diskussjoni hi ħobż kulħadd. Biha ilkoll nikbru u, b’ħafna sabar, naslu fil-punt fejn tispunta dik is-soluzzjoni wisq mixtieqa u meħtieġa. Nifhem li mhux kull diskussjoni twassal għal xi forma ta’ azzjoni konkreta. Imma l-fatt biss li d-diskussjoni titkompla hu ta’ awgurju tajjeb li xi soluzzjoni aħħarija fl-aħħar għad tinstab. U anki f’każi fejn soluzzjoni qatt ma jkun hemm fuq ix-xefaq tal-ħajja madankollu wieħed, permezz tad-diskussjoni, jaf isir konxju ta’ ħwejjeġ oħra li jafu jgħinuh jgħix dik is-sitwazzjoni partikulari b’ħafna aktar għaqal u sensittività. Mingħajr, sintendi, ma jaqbad u jgħawweġ il-prinċipji kif jaqbel lilu u lil dawk ta’ madwaru.

Nagħlaq b’dak li jgħid il-poeta Rumen-Kanadiż Israel Pincu Lazarovitch jew kif nafuh aħjar bħala Iriving Layton: Meta tiddiskuti ma’ dawk li huma taħtek ikkonvinċiehom biss f’ħaġa waħda: li huma intelliġenti bħalek. Għidli ftit x’diskussjoni sabiħa toħroġ meta dan iseħħ tassew!…

Patri Mario Attard OFM Cap