Għaddu mill-bieb id-dejjaq!

Print Friendly, PDF & Email

L-istorja niftakarha. Għax m’ilhiex wisq li ġrat! U, meta seħħet, ilkoll dħakna. Iżda fid-daħka hemm ukoll, moħbija moħbija, it-tagħlima! Mhux hekk?

Inżilt ma’ ħija l-Kapuċċin Filippo biex miegħu nikkonċelebra l-quddiesa tat-8.30 am fil-Knisja tal-Madonna Delle Rose, f’Cesena. Ħadt gost nisma’ li ħuti l-Kapuċċini ta’ l-Emiglia Romagna jaċċettaw li jgħinu lill-kleru djoċeżan meta dan ikun indispost. Fil-fatt, Filippo u jien inżilna ngħinu l-għaliex il-kappillan ta’ din il-parroċċa kien qed jieħu l-vaganzi tiegħu. Dan l-att ħelu fakkarni f’dak li jiktbilna Missierna San Franġisk fit-Testment tiegħu meta jgħidilna:

Imbagħad il-Mulej tani u għadu jagħtini, tant fidi fis-saċerdoti li jgħixu skond kif trid il-Knisja Mqaddsa Rumana, minħabba d-­dinjità taghhom, imqar jekk inkun ippersegwitat minnhom irrid nibqa’ ndur lejhom. U li kelli għerf daqskemm kellu Salamun, u kelli niltaqa’ ma’ saċerdoti li jġibulek ħniena f’din id-dinja, ma rridx nipprietka kontra r-rieda tagħhom fil-parroċċa tagħhom. U nixtieq nuri biża’, imħabba u gieħ lejhom u lejn l-oħrajn daqslikieku huma sidien tiegħi. U ma rridx inqis id-dnub fihom, għax fihom nilmaħ l-Iben ta’ Alla u huma s-sidien tiegħi. U nġib ruħi hekk magħhom, għax jien, mill-istess Iben ta’ Alla l-Aktar Għoli ma nara xejn bl-għajnejn tal-ġisem f’din id-dinja, ħlief il-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħu, li huma jircievu u huma biss iqassmu lill-ohrajn.

Waslna lejn il-bieb tal-ġenb tas-sagristija ta’ din il-Knisja ċkejkna u ħelwa għall-ħabta tat-8.20am. X’ħin rajtu nofsu miftuħ bdejt nitbissem. U mela jien se ngħaddi minn dan in-naqra ta’ bieb! għedt lil Filippo bit-tbissima. Filippo ma qalli xejn għajr li tbissem hu ukoll. Abbli basar jew ma basarx x’kien se jseħħ. Filippo daħal qisu mhux hu. Ħdejja sifja. Imma jien, kif ippruvajt nidħol il-bozza l-ħamra aqta’ kif xegħlet! Bqajt imwaħħal! Għalhekk sejjaħt lil Filippo biex jiftaħli l-bieba l-oħra ħa nidħol.

U żaqqi minfuħa, hekk kif sabet l-ispazju, aqta’ kif daħlet tiġri ‘il ġewwa fost it-tifqigħ tad-daħk tiegħi u ta’ Filippo!

Kos hux! Biex stajt ngħaddi kellhom jiftħuli l-bieba l-oħra! Kollu veru dak li Ġesù qalilna: Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha (Mt 7:13). Imma veru wkoll li meta nuru ħniena lejn xulxin nibdew ngħinu lil xulxin ngħaddu mill-bieb id-dejjaq tal-maħfra, tal-ħniena, tas-sabar, tal-ħlewwa, tar-rażan, tal-fidi, tat-tama, tat-talb, tas-sawm u tal-ħarba mill-okkażjoni tad-dnub.

Jaħasra! Kulma rridu hu li jkollna Filippo ieħor li jiftħilna l-bieba l-oħra u ngħaddu! Ejjew mela nħennu u nissaportjaw lil xuxlin!

Imbagħad żgur ngħaddu mill-bieb id-dejjaq!

Patri Mario Attard OFM Cap