Il-Papa Franġisku fuq Dante

Print Friendly, PDF & Email

 Candor lucis æternæ – Ġmiel ta’ dawl etern, proprju b’riferenza ċara għall-Misteru tal-Inkarnazzjoni

Fl-okkażjoni tas-700 sena mill-mewt tal-poeta kbir Dante Alighieri (1265-1321), “missier il-lingwa u l-letteratura Taljana”, il-Papa Franġisku ħass li bħall-papiet ta’ qablu kellu jagħti omaġġ lil dan l-“Ogħla Poeta”, kittieb ta’ fidi kbira, li għadu tant attwali għal żminijietna, speċjalment fil-versi immortali tal-kapulavur tiegħu La Divina Commedia li għandna wkoll fi lsienna.

Il-Papa għażel il-jum tal-25 ta’ Marzu li għadda, Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej, biex tana l-Ittra appostolika Candor lucis æternæ (Ġmiel ta’ dawl etern), proprju b’riferenza ċara għall-Misteru tal-Inkarnazzjoni, li fi kliem Franġisku “huwa l-veru ċentru li jnebbaħ il-poema kollha kif ukoll il-qalba essenzjali tagħha”.

Il-Papa fuq Dante, fis-7 ċentinarju minn mewtu

Meta llum, 14 ta’ Settembru, id-dinja tfakkar lil dan il-ġgant kbir tal-letteratura u tal-fidi – Dante Alighieri – f’għeluq is-7 ċentinarju minn mewtu, ma hemmx dubju li hu jibqa’ ħaj fil-kitba tiegħu, “profeta tat-tama” fil-ħajja li ma tintemmx. Nilqgħu l-istedina tal-Papa miġbura f’dawn il-kelmiet lejn tmiem l-Ittra sabiħa li tana:

“Dante – jekk nippruvaw ninterpretaw il-leħen tiegħu – mhux jitlobna, illum, li jiġi sempliċiment moqri, ikkummentat, studjat, analizzat. Pjuttost qed jitlobna li jiġi mismugħ, li b’xi mod jiġi imitat, li jagħmilna sħabu fil-vjaġġ, għax anki llum hu jrid jurina x’inhi t-triq li twassal għall-ferħ, it-triq it-tajba biex ngħixu b’mod sħiħ l-umanità tagħna, u noħorġu mill-boskijiet mudlama fejn nitilfu l-orjentament u d-dinjità. Il-vjaġġ ta’ Dante u l-viżjoni tiegħu tal-ħajja wara l-mewt mhumiex sempliċiment oġġett ta’ rakkont, ma jsawrux biss ġrajja personali, imqar jekk waħda eċċezzjonali”.

Ara l-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku fuq Dante Alighieri …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.