Il-Papa Franġisku jibgħat ittra lis-saċerdoti morda u anzjani

Print Friendly, PDF & Email

“Qed tgħixu lis-staġun tax-xjuħija, li mhix marda imma privileġġ”. Dan kien il-kliem li l-Papa Franġisku qal lis-saċerdoti anzjani u morda tar-reġjun tal-Lombardija, li l-Ħamis kien miġbura f’Caravaggio, għal jum ta’ Fraternità mal-Isqfijiet tar-reġjun.

F’ittra li bagħat, il-Qdusija Tiegħu talabhom biex jaħsbu fi Xmun u Anna. Għax kien biss fix-xjuħija tagħhom li l-Evanġelju daħal għal kollox f’ħajjithom, u “ħadu lil Ġesù f’idejhom, u ħabbru l-bidla kollha ta’ tenerezza”.

Il-Papa Franġisku qal li l-morda u l-anzjani, lil hinn milli jkunu “l-oġġett ta’ assistenza,” huma “protagonisti fil-komunità”. “Intom ġarrar tal-ħolm, ħolm mimli memorji, u għalhekk importanti ħafna għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar”, qal il-Papa. “Minnkom ġejja l-enerġija biex tiffjorixxi fil-ħajja u l-ministeru Nisrani”. Anke s-saċerdoti morda, kompla l-Papa, “jesperjenzaw privileġġ: dak li jixbħu lil Ġesù li jbati u jġorr is-salib”.

Il-Papa dawwar il-ħsibijiet tiegħu lejn id-djoċesijiet u parroċċi li jieħdu ħsieb saċerdoti morda u anzjani. Il-Qdusija Tiegħu rrimarka li komunità li tieħu ħsieb il-morda hija waħda li għandha “għeruqha sew f’Ġesù”. Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku invoka l-barkiet tal-Mulej u l-protezzjoni tal-Madonna fuq dawk miġbura għal din l-okkażjoni, u talabhom biex jitolbu għalih, waqt li nnota li hu wkoll “xi ftit anzjan u ftit mardi, imma mhux daqshekk marid”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-09/pope-francis-sick-elderly-priests-lombardy.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.