Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis
Qari I
Telqu lili, l-għajn tal-ilma ġieri, biex ħaffru bjar għalihom, bjar miksura.
Ġer 2, 1-3.7-8.12-13
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
F’dak iż-żmien, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:
“Mur u għajjat f’widnejn Ġerusalemm, u għidilha:
Dan jgħid il-Mulej: ftakart fil-ħlewwa ta’ żgħożitek,
fl-imħabba tal-għerusija tiegħek, meta kont tiġri warajja fid-deżert,
f’art mhux miżrugħa.
Iżrael kien ikkonsagrat lill-Mulej, l-ewwel frott tiegħu;
dawk kollha li kienu jieklu minnu, kienu jiġbdu fuqhom il-kastig:
il-ħsara kienet taqa’ fuqhom. Oraklu tal-Mulej.
Jien ġibtkom f’art qisha ġnien,
biex tieklu l-frott tagħha u dduqu l-benna tagħha.
Imma ġejtu u tebbajtuli arti, waqqajtuli l-wirt tiegħi f’għajb.
Il-qassisin ma staqsewx: “Fejn hu l-Mulej?”
L-għorrief tal-liġi ma għarfunix; ir-rgħajja dinbu kontrija;
il-profeti ħabbru f’isem Bagħal, u marru wara ħwejjeġ fiergħa.
Stagħġbu smewwiet b’dan, tkexkxu fuq li tkexkxu.
Oraklu tal-Mulej.
Għax tnejn huma d-dnubiet tal-poplu tiegħi:
telqu lili, l-għajn tal-ilma ġieri,
biex ħaffru bjar għalihom,
bjar miksura li ma jżommux ilma”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 35 (36), 6-7ab.8-9.10-11
R/. (10a): Mulej, għandek hemm l-għajn tal-ħajja
Mulej, sas-smewwiet tasal it-tieba tiegħek,
sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
M’ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek,
baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek. R/.
Kemm hi għażiża t-tieba tiegħek, o Alla!
Għad-dell ta’ ġwenħajk jistkennu wlied il-bnedmin.
Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek,
tisqihom ix-xmara tal-hena tiegħek. R/.
Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja,
fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.
Żomm it-tieba tiegħek ma’ min jagħrfek,
il-ġustizzja tiegħek ma’ min hu qalbu safja. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti.
Mt 13, 10-17
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, resqu lejn Ġesù d-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Iżaija li tgħid:
“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.
Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset:
kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,
u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom,
u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom,
u hekk ibiddlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom”.
Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu