Nhar il-Ħamis 24 ta’ Ġunju 2021, nhar is-Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista, għall-ħabta ta’ nofsinnhar, tqaddset quddiesa oħra bir-rit Biżantin minn ħuna l-Papas Martin Zammit. Kelli l-grazzja nikkonċelebra miegħu.
Nixtieq nieqaf fuq xi aspetti li personalment laqtuni fir-rit tat-Tħejjija tal-Ispeċi, jew kif insejħulu: L-Uffiċċju tal-Proskomidi. Jieħdu sehem fih żewġ persuni: iċ-ċelebrant, jiġifieri l-qassis, li fejn jitlob hemm imniżżla l-ittra Ċ. U d-djaknu, li fejn jitlob fl-uffiċċju hu indikat bl-ittra D.
Laqtuni s-sensi ta’ l-umiltà u l-indiema li hemm jiġru f’dan l-uffiċċju. Fit-talba ta’ waqt il-ħasil tal-idejn, mill-ewwel il-qassis qed jammetti kemm mhux dehen li jiċċelebra l-Ewkaristija. L-għaliex midneb, bħali u bħalek. Isimgħu ftit xi profondità ta’ talb! Jitlob il-qassis: Se naħsel idejja bl-innoċenza u ħa ndur mal-altar tiegħek, Mulej, sabiex nisma’ leħen it-tifħir tiegħek u nħabbar lil kulħadd l-għemejjel tal-għaġeb tiegħek. Mulej, jien ħabbejt il-ġmiel ta’ darek u l-imkien fejn jgħammar is-sebħ tiegħek.
Wara din itt-talba l-qassis jitlob għal tlett darbiet: O Alla, aħfirli lili l-midneb, u ħenn għalija.
Donnu, biex inġibu paragun mat-tlett darbiet li bih infaħħru lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, anki l-qassis, (flimkien mad-djaknu li f’dan l-uffiċċju kont jien), eternament qed jistqarr lill-Mulej li hu tabilħaqq midneb u li ma jistħoqqlux jiċċelebra dan is-sagrifiċċju. Għalhekk, li jagħmlu jistħoqqlu hi l-innoċenza eterna tal-Mulej, li hi mfissra fit-tifħir tiegħu li jinqasam bejn kulħadd.
Imbagħad, eżattament kif jistqarr kemm ma jistħoqqlux, il-qassis fit-talba li jitlob jagħti x’jifhem li hu jista’ jiċċelebra dan is-sagrifiċċju ewkaristiku minħabba s-sagrifiċċju wieħed ta’ Kristu fuq is-Salib. Fil-fatt jitlob hekk: B’demmek inti fdejtna mis-saħta tal-liġi. Imsammar fuq is-salib, u minfud b’lanza, minnek ridt li tgelgel l-immortalità għal fuq il-bnedmin, O feddej tagħna; glorja lilek. X’imħabba! Aktar mal-Mulej tagħna ġie minfud aktar xita ta’ barka nieżlet fuq li nieżlet għal fuqna! Hawn messaġġ pożittiv u ta’ fejqan tassew aktar u akbar minn dan?
Fir-rit tgħallimt li d-djaknu jagħraf il-post tiegħu. Għalhekk, b’umiltà u b’rispett kbir, kif għandu jkun qaddej, id-djaknu jistieden lill-qassis biex ibierek. Sintendi, id-djaknu mhux xi rubrika tieħu n-nifs! Għalhekk mhuwiex xi tape recorder. Għall-kuntrarju! Id-Djaknu qed janima l-uffiċċju biex, bl-animazzjoni tiegħu, l-istess uffiċċju jieħu u jagħti l-ħajja lil min qed jiċċelebrah. L-animazzjoni u l-katekeżi tad-djaknu qed jagħtu l-ħajja lil dawn il-ġesti għal kollox ewkaristiċi li se ninnuntaw li se jseħħu.
Kif għallimni l-Ispirtu tal-Mulej, id-djaknu hu l-leħen tal-komunità li se tieħu sehem fis-sagrifiċċju ewkaristiku. Għalhekk, diġà fit-Tħejjija tal-Ispeċi, qed issir komunjoni. Liema komunjoni tibda’ mill-mejda fejn iseħħ l-uffiċċju tal-proskomidi u tibqa’ sejra dritt fuq l-altar u kulfejn il-qassis u d-djaknu, l-qaddejja tal-Komunjoni divina Trinitarja, imorru waqt il-liturġija divina (il-quddiesa). Hawn hu l-kliem li jgħid id-djaknu u li ħadni f’dawn it-toroq kollha: Bierek, sidi.
Il-qassis mill-ewwel jilqa’ l-istedina u jbierek. Għalhekk jitlob: Imbierek hu Alla tagħna, f’kull żmien, issa u kull ħin, u għal dejjem ta’ dejjem. Id-Djaknu, f’isem il-komunità, jilqa’ din il-barka u għaliha jwieġeb: Ammen, jiġifieri nemmen.
Meta jibda’ iħejji l-ħobża li ħa tkun ikkonsagrata, ἀμνός, amnos (il-ħaruf), joħorġu aspetti tassew interessanti. L-ewwel, l-amnos hu b’tifkira tal-Mulej, Alla u Feddej tagħna Ġesù Kristu. Din l-affermazzjoni ewkaristika l-qassis jirrepetieha għal tlett darbiet. Niftakrux hawnhekk ukoll fil-kliem ta’ Ġesù fit-twaqqif tal-Ewkaristija: Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi (Lq 23:19)? Imbagħad il-qassis ifakkarna fil-profezzija ta’ Iżaija meta jgħid: Bħal ħaruf meħud għall-qatla (Is 53:7).
Id-djaknu jintroduċina u jfissrilna t-tifsira teoloġika-biblika ta’ dak li qed isir b’mod liturġiku: Ejjew nitolbu lill-Mulej. U bħal nagħġa bla tebgħa, mbikkma, f’id min iġiżża, ma fetaħx fommu… Għakksuh u kien imċaħħad mill-ġustizzja … Min qatt jista jirrakkonta fuq nislu? (ara Is 53:7-8).
Matul l-uffiċċju, id-djaknu jissokta jagħtina t-tifsila tiegħu bħal meta l-qassis ineħħi t-truf tal-ħobż, li hi l-ħaruf. Neħħi, sidi. U jlissen ir-raġuni: Għax neħħewlu ħajtu minn fuq l-art. Jew: issagrifika, sidi. Għax: il-ħaruf ta’ Alla jiġi sagrifikat. Dak li jneħħi d-dnub tad-dinja, għall-ħajja u s-salvazzjoni. Inkella: infed, sidi. Imbagħad iwieġeb il-qassis u jgħid: Wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha (ara Ġw 19:34-35). Id-djaknu jistieden lill-qassis biex ibierek din l-għaqda u l-qassis iwieġeb: Imbierka din l-għaqda qaddisa tiegħek, f’kull żmien, issa u kull ħin, u għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Fuq id-disk jitpoġġew ukoll il-biċċiet tal-ħobż li jfissru l-interċessjoni ta’ Marija Omm Alla, l-anġli, in-nies qaddisin tal-Bibbja u l-qaddisin, il-Papa Franġisku, l-isqfijiet, il-presbiterju, id-djakonat u l-kleru. Jiġu mfakkra ukoll persuni ħajjin u mejtin.
X’nisġa bejn id-djaknu u l-qassis! Id-djaknu jaqdi lill-qassis l-għaliex qed jintroduċieh fejn għandu jitlob u jbierek. Barra minhekk id-djaknu qed jaqdi lili u lilek li se nieħdu sehem fis-sagrifiċċju ewkaristiku għax qed jirrapreżentana bit-tweġibiet tiegħu. U, liturġikament, id-djaknu mhux biss qed jiċċara l-qafas tal-uffiċċju tal-Proskomidi nnifsu iżda qed jgħallimna dwar dak li qed isir f’dan l-uffiċċju.
Kemm l-uffiċċju tat-Tħejjija tal-Ispeċi fakkarni f’Salm 93 vers 5: Qdusija lil darek tixraq, Mulej, sa kemm itul iż-żmien! Ikkonfermali kemm iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hi kożmika.
X’barka l-quddiesa biżantina għalina fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija!
Patri Mario Attard OFM Cap