Qari tal-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena u Quddiesa tal-Vġili tal-Assunta

Print Friendly, PDF & Email

L-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena u Quddiesa tal-Vġili tas-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija

Qari I

Wilditni bniedem ġellied, li għandu xi jgħid mal-pajjiż kollu. (Ġer 15, 10)

Ġer 38, 4-6. 8-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

F’dak iż-żmien, il-prinċpijiet marru jgħidu lis-sultan: “Ħalli jiġi maqtul Ġeremija, għax b’dan il-kliem li qiegħed jgħidilhom qiegħed jaqta’ qalb is-suldati li fadal f’din il-belt u qalb il-poplu kollu. Tassew, bniedem bħal dan mhuwiex ifittex il-ġid ta’ dan il-poplu, imma l-qerda tiegħu”. U s-sultan Sedekija qalilhom: “Araw, f’idejkom, hu! Għax is-sultan ma jista’ jagħmel xejn magħkom”.

U ħadu lil Ġeremija u xeħtuh fil-bir ta’ Malakija, bin is-sultan, li kien fil-bitħa tal-għassa; imbagħad lil Ġeremija niżżluh bil-ħbula f’dan il-bir; ilma ma kienx fih, imma ħama biss; u Ġeremija għodos fil-ħama.

Għebed-melek ħareġ mill-palazz tas-sultan, mar ikellmu u qallu: “Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu ruħhom ħażin f’kulma għamlu lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u dalwaqt imut bil-ġuħ, għax ma baqax ħobż fil-belt”. Is-sultan imbagħad ordna lil Għebed-melek, il-Kusi, u qallu: “Ħu miegħek tlitt irġiel minn dawn u mur tella’ lil Ġeremija, il-profeta, mill-bir, qabel ma jmut”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 39 (40), 2.3.4.18

R/. (14b): Mulej, fittex għinni.

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;

hu niżel ħdejja

u sama’ l-għajta tiegħi. R/.

Minn bir waħxi tellagħni,

minn qalb il-ħama u t-tajn;

fuq il-blat qegħedli riġlejja,

u saħħaħli l-mixi tiegħi. R/.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,

għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu,

u jittamaw fil-Mulej. R/.

Jien, fqajjar u msejken,

għandi ’l Sidi jaħseb fija.

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi;

iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi! R/.

Qari II

B’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.

Lhud 12, 1-4

Qari mill-Ittra lil Lhud

Ħuti, ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.

Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.

Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom. Sa issa fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ġejt inġib mhux il-paċi fid-dinja, imma l-firda.

Lq 12, 49-53

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ’il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

15 ta’ Awwissu

It-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija

Solennità

Quddiesa tal-Vġili

Qari I

Qiegħdu l-arka ta’ Alla f’nofs it-Tinda.

1 Kron 15:3-4,15-16; 16:1-2

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Kronaki

F’dak iż-żmien, David ġema’ ’l Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex itella’ hemmhekk l-arka tal-Mulej fil-post li kien waqqaf għaliha. U hu laqqa’ flimkien ’l ulied Aron u l-Leviti. Kienu dawn li ġarrew l-arka ta’ Alla, u refgħuha fuq spallejhom bil-lasti, kif kien ordna Mosè fuq il-kelma tal-Mulej. David qal lill-kapijiet tal-Leviti biex iqabbdu wħud mit-tribù tagħhom u jqegħduhom bħala għannejja bl-istrumenti tad-daqq, arpi, ċetri, ċnieċel, biex isemmgħu għana u daqq li jferraħ.

Ġabu l-arka ta’ Alla u qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqfilha David, u offrew quddiem Alla sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem. Meta temm joffri s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem David bierek il-poplu b’isem il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 131:6-7,9-10,13-14

R/. Qum, Mulej, int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Ara, smajna biha f’Efrata,

sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.

Ħa mmorru fl-għamara tiegħu,

nixteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh. R/.

Il-qassisin tiegħek jiżżejnu bil-ġustizzja,

u l-qaddisin tiegħek jgħajtu bil-ferħ.

Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,

la twarrabx wiċċ il-midluk tiegħek. R/.

Għax il-Mulej għażel lil Sijon

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

“Hawn insib is-serħan tiegħi għal dejjem!

Hawn irrid ngħammar, għax hawn xtaqt jiena!”. R/.

Qari II

Alla tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.

1 Kor 15:54-57

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?”. In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, il-qawwa tad-dnub hi l-liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Ġesù Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 11:28

R/. Hallelujah.

Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla

u jħarsuha.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Hieni l-ġuf li ġiebek.

Lq 11:17-28

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies kien hemm waħda mara li refgħet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”.

Iżda hu qalilha: “Imma, tassew, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha!”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. It-tifħir lilek, Kristu.