Qari tal-Ġimgħa tal-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ġimgħa

Qari I

Kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema.

Koħ 3, 1-11

Qari mill-Ktieb ta’ Koħèlet

Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema:

żmien li titwieled, u żmien li tmut;

żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel;

żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq;

żmien li ġġarraf, u żmien li tibni;

żmien li tibki, u żmien li tidħak;

żmien li tagħli, u żmien li tiżfen;

żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru;

żmien li tgħannaq, u żmien li tiċċaħħad mit-tagħniq;

żmien li tikseb, u żmien li titlef;

żmien li terfa’, u żmien li tarmi;

żmien li tqatta’, u żmien li ssewwi;

żmien li tiskot, u żmien li titkellem;

żmien li tħobb, u żmien li tobgħod;

żmien it-taqbid, u żmien il-paċi.

Xi qligħ għandu l-bniedem mix-xogħol li jagħmel?

Jiena rajt ix-xogħol li Alla ta lil ulied il-bniedem biex ikollhom fiex jedhew. Kollox għamel tajjeb f’waqtu; nissel ukoll sens tal-imgħoddi u l-ġejjieni f’moħħ il-bniedem, iżda bla ma dawn jirnexxilhom jikxfu x’jagħmel Alla mill-bidu sat-tmiem.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 42 (43), 1.2.3.4

R/. (ara 5bċ): Ittama f’Alla, hu l-għajnuna u Alla tiegħi

Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej,

u min-nies bla tieba ddefendi l-kawża tiegħi;

min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni. R/.

Inti l-kenn tiegħi, o Alla;

għaliex warrabtni?

Għax għandi ngħix imdejjaq

taħt it-tagħkis tal-għadu? R/.

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;

huma jmexxuni;

iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek

u sal-għerejjex tiegħek. R/.

U nidħol ħdejn l-altar ta’ Alla,

ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.

U rroddlok ħajr biċ-ċetra,

o Alla, Alla tiegħi. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 10, 45

Hallelujah. R/. Hallelujah

Bin il-bniedem ġie biex jaqdi

u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Inti l-Messija ta’ Alla. Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna.

Lq 9, 18-22

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba, waqt li Ġesù kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?” Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi”. Qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla”. Imbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. U qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu