Papa Franġisku: Tbissima tista’ tagħti tifsira lil ġurnata ta’ marid

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa filgħodu l-Papa Franġisku żar l-Isptar tal-Università Kattolika Gemelli ta’ Ruma, fejn iċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mit-twaqqif tal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija tagħha imsemmija għall-Qalb ta’ Ġesù. L-isptar u l-kampus tal-Università tiegħu, huma ddedikati għall-memorja u l-viżjoni ta’ Patri Agostino Gemelli.

Il-Papa beda l-omelija tiegħu billi rrifletta fuq l-isem tal-fakultà u fuq id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù li lilha niddedikaw l-ewwel Ġimgħa tax-xahar. “Hekk kif nikkontemplaw il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, ejjew inkunu ggwidati minn tliet kelmiet: memorja, passjoni u faraġ” qal.

Il-Papa stqarr li l-Qalb ta’ Ġesù, turina li l-Mulej joffri lilu nnifsu, u jistedinna biex niftakru fil-ħniena u t-tjubija tiegħu, li hija gratwita u bla kundizzjoni, mhux dipendenti fuq l-għemejjel tagħna. “Mingħajr memorja nitilfu l-għeruq tagħna, u mingħajr għeruq, ma nikbrux”, qal u stieden lil kulħadd biex irawwem il-memorja ta’ dawk li ħabbewna, ħadu ħsiebna, u kabbruna.

Il-Qdusija Tiegħu kompla jelabora fuq il-kunċett tal-memorja u spjega li “niftakru f’xi ħadd jew xi ħaġa, meta tmiss qalbna, meta tkun marbuta ma’ affezzjoni partikolari jew nuqqas ta’ affezzjoni.” Il-Papa stieden lil dawk kollha li jemmnu biex iħallu lil Missier tas-sema jħobbhom u dan iseħħ meta jħarsu lejh u jitħabbu miegħu fl-adorazzjoni. B’dan il-mod, in-nisrani jista’ jżomm din il-memorja, billi ma’ xulxin, ngħożżu l-uċuħ li niltaqgħu magħhom.

Huwa enfasizza l-importanza ta’ dawn il-memorju fl-isptarijiet, kif tista’ tagħti tifsira lil jum ta’ marid. Dawn huma tajbin għall-qalb u sejjħilhom: “terapija tal-memorja”.

Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, qal, hija ikona tal-Passjoni: “turina t-tenerezza qawwija ta’ Alla, u l-imħabba tiegħu għalina”, u fl-istess ħin “turina kemm swiet tbatija s-salvazzjoni tagħna”. Għalhekk, il-Papa qal li “jekk irridu tassew inħobbu lil Alla, irridu nkunu passjonati għall-bniedem, għal kull bniedem, speċjalment dawk li jgħixu l-kundizzjoni li turina l-Qalb ta’ Ġesù: l-uġigħ, l-abbandun, u li tiġi skartat”. Huwa meta naqdu lil dawk li qed ibatu, li nsibu l-faraġ u nifirħu fil-Qalb ta’ Kristu.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika dar għat-tielet kelma: faraġ. Huwa qal li din mhix ġejja minna, imma minn dak li hu magħna, Ġesù. Hija l-Qalb Imqaddsa tiegħu, li tagħtina din is-saħħa u l-kuraġġ fid-diffikultajiet.

Il-Papa qal: “F’dan iż-żmien ta’ pandemija skoprejna lilna nfusna iżgħar u aktar fraġli”, filwaqt li nnota li minkejja tant progress, anke fil-qasam mediku, hemm lakuna fejn jidħol mard rari u mhux magħruf, u li hemm bżonn li jsir iżjed sforz biex jintlaħħaq dan il-mard u t-trattamenti għalih, f’sistema li l-kura tas-saħħa għandha tkun għal kulħadd. “Nistgħu naqtgħu qalbna,” qal l-Isqof ta’ Ruma, għalhekk għandna bżonn il-faraġ, u din li tagħtina l-Qalb tħabbat ta’ Ġesù.

Il-Papa Franġisku temm l-omelija tiegħu billi ħeġġeġ lill-fidili jimxu ‘l quddiem fiċ-ċertezza tal-faraġ ta’ Alla u jitolbu l-grazzja li jkunu jistgħu jikkonslaw, jgħinu lil xulxin, iġorru t-toqol ta’ ħaddieħor, u jħossuhom għeżież għal kull persuna fil-bżonn li tersaq lejhom. Dan qal, “japplika wkoll għall-futur tal-kura tas-saħħa, partikolarment il-kura tas-saħħa Kattolika: qsim, appoġġ lil xulxin, u li nimxu flimkien il-quddiem.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-11/pope-mass-gemelli-hospital-homily-60-anniversary.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: