L-għerf hu dak li jżewweġ il-moħħ u l-qalb

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 10 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna mal-gradwati l-ġodda tal-Università. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-għaxart irġiel morda bil-lebbra fil-komunità Lhudija ta’ 2000 sena ilu kienu kkundannati biex jgħixu ’l barra mill-komunità. Il-lebbra kienet pjaga kbira li teskludi lil dak li jkun minn kull kuntatt mill-għeżież tiegħu, mid-dinja tax-xogħol, mid-dinja soċjali.

Il-miraklu ta’ Ġesù mhuwiex biss fejqan fiżiku imma wkoll riintegrazzjoni ta’ dawn l-għaxar persuni fil-komunità. Tahom, biex ngħidu hekk il-kapaċita tat-tgħanniqa lill-maħbubin tagħhom, tat-tislima lill-ħbieb tagħhom, tad-dinjita tax-xogħol, tar-rwol tagħhom fis-soċjetà.

Nawguralkom, għeżież studenti gradwanti li l-ħidma tagħkom fis-soċjetà tkun mezz kif mhux biss intom imma kif tant nies li se jiltaqgħu magħkom iħossuhom apprezzati, risanati, mogħtija mill-ġdid id-dinjità, integrati fis-soċjetà fir-rwol ġust tagħhom, apprezzati u maħbuba. Nifhem li intom tapprezzaw li dan minnkom jirrikjedi mhux biss il-ħiliet akkadameċi li akkwistajtu u li tagħhom qed tirċievu rikonoxximent ġust, dehen u leġittimu, imma jirrikjedi wkoll sforz uman.

Jalla l-esperjenza tagħkom fl-Università ta’ Malta, din l-Alma Mater, li tant hi għażiża għal kull wieħed u waħda minna, istituzzjoni li f’pajjiżna għandha tradizzjoni glorjuża u li hi unika fost ħafna oħrajn, li hi marbuta mal-istorja u mal-patrimonju kulturali, kostituzzjonali u ċivili tagħna, jalla l-esperjenza tagħkom fl-Università ta’ Malta mhux biss kabbritilkom il-moħħ imma fuq kollox il-qalb. Għax jekk intom qed toħorġu mill-Università, minn tal-Qroqq, b’moħħ kbir imma qalb atrofizzata, allura hemm problema għax l-għerf hu dak li jżewweġ il-moħħ u l-qalb. Għal t’apposta m’għedtx ‘moħħ kbir u qalb żgħira’ għax aħna bl-Malti meta ngħidu ‘għandu qalbu żgħira’ rridu nfissru persuna ta’ sensibbiltà u ta’ kumpassjoni kbira. Użajt il-frażi ‘qalb atrofizzata’- qalb tal-ġebel, qalb li m’għandhiex iżjed enerġija tħabbat. Forsi jieklok il-but imma jekk ma tibkix qalbek, il-but tiegħek se jibqa’ vojt.

Jalla l-esperjenza tagħkom fl-Università ta’ Malta mhux biss kabbritilkom il-moħħ imma fuq kollox il-qalb

Ġesù mhux biss jintegra lil dawn l-għaxra fil-komunità tagħhom, imma jrid ukoll li l-fejqan li ħadu jiġi rikonoxxut: “Morru uru rwiekom lill-qassisin” (Lq 17:14). Il-qassisin kellhom il-poter 2000 sena ilu – illum għall-grazzja t’Alla inqas – li jiċċertifikaw l-istatus ta’ dak li jkun fis-soċjetà. Kienu preżenza li kellha rwol ta’ tmexxija qawwija. Illum nittama li dawk li qed jiggradwaw mill-Fakultà tat-Teoloġija ma jaħsbux li qed jiggradwaw f’xi rwol ta’ importanza fis-soċjetà imma li d-dinjità tagħhom ġejja mill-qadi u mix-xhieda.

Huma u sejrin dawn l-għaxart irġiel – jiena nammirahom għaliex ma fiequx mal-kelma ta’ Ġesù – obdew il-kelma tiegħu u huma u sejrin, ifiqu (Lq 17:14). U wieħed minnhom forsi ma kellux ħerqa kbira għall-gradwazzjoni, għar-rikonoxximent formali tal-fejqan tiegħu, waqaf u rritorna biex jgħid ‘grazzi’. Intom qed tagħmlu hekk illum. Dan ir-ritwal, li għal ħafna minnkom ilkom tistennewh għal żmien twil minħabba l-Covid, ġejtu llum fuq l-istedina tal-università li f’dan ir-ritwal ukoll tieqfu bħalma qalu sħabkom fil-bidu, biex tgħidu ‘grazzi’.

Qisu li dak kollu li jiġri fuqkom fil-ħajja, kemm il-ferħ u kemm in-niket, titgħallmu li b’għerf kbir u b’għaqal tapprezzawh bi gratitudni. Għax m’hemmx mod ieħor kif il-qalb tikber tassew jekk mhux meta tingħafas u tingħasar

Il-gratitudni li Ġesù tant ifaħħar, tant japprezza hi atteġġjament ieħor li jimla l-qalb tagħna bil-veru ferħ. Qisu li dak kollu li jiġri fuqkom fil-ħajja, kemm il-ferħ u kemm in-niket, titgħallmu li b’għerf kbir u b’għaqal tapprezzawh bi gratitudni. Għax m’hemmx mod ieħor kif il-qalb tikber tassew jekk mhux meta tingħafas u tingħasar. U m’hemmx ferħ veru li ma jinqasamx ma’ ħaddieħor. Jalla intom u tiggradwaw u forsi tkomplu studji ulterjuri, jew issibu post importanti fis-soċjetà, titgħallmu li l-gratitudni hi xi ħaġa li mhux biss nieħdu pjaċir nirċievu imma wkoll nagħtu.

Illum il-gratitudni tmur lejn l-għalliema tagħkom, lejn l-università, lejn il-ġenituri tagħkom, lejn kull min issapportjakom, lejn sħabkom, lejn forsi min anke fil-misteru kbir tal-ħbiberija li tiġi u tmur, għallimkom ħafna iżjed mill-kotba, għallimkom ħafna iżjed mill-lectures. Għal ħafna żmien mill-formazzjoni tagħkom, min ftit u min ħafna, kellkom tkunu online, preżenza importanti imma ma tistax tieħu post il-preżenza fiżika għal xulxin u fuq il-campus. Jalla l-università fir-rispett tal-protokolli neċessarji fis-sitwazzjoni li qegħdin, terġa’ ssib ruħha bħala dik il-komunità ħajja fejn fl-iskambju tal-ideat waqt li qed naqsmu l-opinjonijiet differenti tagħna, nagħtu spazju lil xulxin biex nikbru.

Jalla l-fakultajiet fl-università jkunu oasi ta’ għerf u ta’ kumpassjoni. Jalla intom u tikbru fir-rwol tagħkom tas-soċjetà jkollkom il-ġenerożità li tagħtu ħajjitkom għall-ġid tal-proxxmu, għall-ġid komuni.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Għerf 6:1-11
Salm: 81 (82):3-4.6-7
Evanġelju: Lq 1:11-19

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply