Deċiżjoni mhux disperazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tifkira ta’ San Ġosafat, Isqof u Martri. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Għandu mnejn dan il-kliem ta’ Ġesù lilna jbeżżagħna, u joħloq fina ansjetà. Speċjalment meta jsemmi x’ġara fi żmien Noè – dak id-dulluvju – u x’ġara lil Sodoma, meta Alla qeridha. U iktar u iktar meta Ġesù juri kif dak li ġara ħa lin-nies għall-għarrieda, ma kinux jafu bih qabel.

Fil-fatt, Ġesù jgħid li dawn kienu “jieklu u jixorbu, iżewġu u jiżżewġu” fi żmien Noè; u meta jitkellem fuq Sodoma, jgħid li n-nies “kienu jieklu u jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu”. Qed jgħid: dawn kienu qed jgħixu l-ħajja ordinarja tagħhom. Ma setgħux jipprevedu dak li kien se jiġri, u ġara dak li ġara.

X’inhu l-messaġġ li jagħti lilna Ġesù llum? Hu qed jgħid li dawn kienu qed jagħmlu affarijiet tajbin – jieklu, jixorbu, u l-affarijiet l-oħra li jsemmi. Kienu qed jgħixu l-ħajja ordinarja tagħhom, imma li ġralhom kien li kienu aljenati. Tant kienu medhijin bil-ħajja normali tagħhom, li warrbu lil Alla, insew lilu. Bħalma smajna wkoll fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Għerf, fuq dawk in-nies li waqfu fuq il-ħolqien u nsew lill-Ħallieq. Raw dak li hu ta’ ġmiel u ta’ qawwa, u nsew min hu s-Sid, l-għajn tal-ġmiel u tal-qawwa. Dawn l-istess, għexu ħajja medhija b’ħafna affarijiet, għexu aljenati minn Alla.

Dak hu l-messaġġ li jagħti lilna l-Mulej. Jgħidilna: tgħixux aljenati. Għixu magħquda ma’ Alla. Fil-ħajja ordinarja tagħkom, għixu magħquda miegħu. Fil-fatt Ġesù jsemmi li n-nies kienu jieklu u jixorbu, u niftakru f’dak li qal San Pawl: Sew jekk tieklu sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor 10:3). Meta ngħixu hekk, magħqudin mal-Mulej, imbagħad se nibżgħu meta naħsbu fuq il-futur, jew fuq l-aħħar tad-dinja, jew fuq il-miġja ta’ bin il-bniedem? Se nibżgħu? Ma jkollniex għalfejn nibżgħu jekk aħna ngħixu magħqudin miegħu.

Bil-kelma tiegħu, Ġesù qed isejħilna għal deċiżjoni mhux għal disperazzjoni. Mhux qed isejħilna biex aħna nibżgħu, nimtlew b’ansjetà meta naħsbu fuq il-futur, imma li nieħdu deċiżjoni tajba, jiġfieri: li ngħixu tassew magħqudin miegħu, li dak li nagħmlu nagħmluh għall-glorja tiegħu, u li fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum ngħixu tassew dan l-ispirtu tiegħu. U li nieħdu dawk id-deċiżjonijiet neċessarji li hu jitlob minna għall-ġid tagħna u għall-ġid tal-oħrajn. Biex insemmi ħaġa waħda, li tidħol ftit mal-Evanġelju tal-lum: Alla jsejħilna biex nipproteġu l-ħolqien, inħarsu n-natura. U diversi diżastri li aħna llum insejħu “naturali” huma maħluqa mill-bniedem, huma l-konsegwenza tat-traskuraġni, tal-egoiżmu, tar-regħba, tal-ħażen tal-bniedem. Għalhekk importanti li aħna nieħdu d-deċiżjonijiet li l-Mulej jitlob minna llum. Ħu, per eżempju, it-tibdil fil-klima li aħna tant nitkellmu fuqu llum. Bir-raġun. Mhux il-Mulej li qal “ħa nibdlilhom il-klima lin-nies”, imma t-tibdil fil-klima hu konsegwenza ta’ deċiżjonijiet żbaljati, u ta’ stil żbaljat ta’ ħajja tal-bnedmin. Għalhekk huwa importanti li nieħdu dawk id-deċiżjonijiet li jorbtu ma’ dak li Alla jitlob minna.

Nitolbu lill-Mulej biex hu jgħinna biex ma ngħixux ħajja aljenati minnu, imma dejjem niftakru li hu l-għajn ta’ kull ġid, għalhekk nintrabtu miegħu;  jgħinna biex nużaw tajjeb il-ġid tal-art b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem; u biex nieħdu dawk id-deċiżjonijiet li hu jitlob minna llum, ispirati mill-kelma tiegħu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: