Fil-Quddiesa tal-Magħmudija l-Papa jfakkar fl-importanza li tiġi ppreservata l-identità Nisranija.

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ħadd, fil-Kappella Sistina, l-Papa Franġisku, għall-ewwel darba minn meta faqqgħet il-pandemija tal-koronavirus, għammed 16-il tarbija – seba’ subien u disa’ bniet; dan wara li sena l-oħra kien tħassar l-avveniment annwali minħabba l-Covid-19.

Fl-omelija qasira tiegħu, li ma kienetx miktuba, l-Papa qal li llum dawn it-trabi se jirċievu l-identità Nisranija tagħhom permezz tas-Sagrament tal-Magħmudija li qed jiġi amministrat. Huwa qal li l-irwol tal-ġenituri u l-parrini huwa li jgħinuhom jipprofondixxu u jippreservaw din l-identità Nisranija tul ħajjithom. Huwa sforz u impenn ta’ kuljum, żied il-Papa, li enfasizza l-importanza li ngħinu lit-tfal jikbru fil-barka tad-dawl li rċievew illum.

Waqt li fakkar f’innu liturġiku tal-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, il-Qdusija Tiegħu ddeskriva kif il-Poplu ta’ Iżrael mar il-Ġordan b’saqajh ħafjin u b’ruħu miftuħa bħala sinjal tal-bżonn tagħna ta’ Alla u li nkunu mnaddfa minnu. Hekk ukoll dawn it-trabi hawn illum, huwa osserva, lesti jirċievu l-ġustifikazzjoni u s-saħħa mingħand Alla biex jimxu ‘l quddiem fil-ħajja bl-għajnuna tal-ġenituri u l-parrini tagħhom, li għandhom ir-responsabbiltà li jgħinuhom jippreservaw l-identità Nisranija tagħhom.

Bħala konklużjoni, l-Papa ħeġġeġ lill-ġenituri biex iżommu lit-trabi tagħhom sħan, peress li l-Kappella Sistina fix-xhur tax-Xitwa, hija kiesħa, u ġegħlhom iħossuhom id-dar, li jekk ikollhom bżonn ireddaw it-tarbija jagħmluha, u jekk it-tarbija tibki ma jinkwetawx, għax il-bikja hija wkoll espressjoni tal-ispirtu tagħhom li jkunu f’komunità ma’ dawk kollha preżenti.

Ara l-Omelija tal-Papa Franġisku bil-Malti fil-Laikos …

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-01/baptism-mass-pope-importance-preserving-christian-identity.html

%d bloggers like this: