Ma niqfux lill-Ispirtu s-Santu

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 24 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tal-III ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Għandu fih lil Begħelżebul”. Din kienet l-akkuża li għamlu l-kittieba li niżlu minn Ġerusalemm, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Mark – l-akkuża li għamlu kontra Ġesù. Ġesù hawnhekk kien il-Galilija, u l-Galilija sab ħafna nies jilqgħuh. Imma sab ukoll oppożizzjoni minn dawn il-kittieba li niżlu minn Ġerusalemm u bdew jgħidu mhux biss li għandu xitan, imma li għandu fih il-prinċep tax-xjaten, u li bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċi x-xjaten.

Dawn il-kittieba kienu waslu f’din l-assurdità, għax trid tkun verament ma tirraġunax biex tgħid ħaġa bħal din! Imma tant kellhom moħħhom u qalbhom magħluqa għal Ġesù, li anke meta bdew jarawh jagħmel il-mirakli, bdew jippruvaw isibu raġuni għaliex ma jemmnux. Ma jemmnux li għandu dil-qawwa li ġejja minn Alla, u għalhekk jippruvaw isibu xi raġuni oħra. Hawnhekk qed jgħidu li meta qed ikeċċi x-xitan, ikeċċih bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten.

U Ġesù, ir-reazzjoni tiegħu l-ewwel nett hi li jurihom kemm hi redikola din li qed jgħidu. Għaliex, jgħidilhom, “kif jista’ x-xitan ikeċċi xitan?” Jekk bniedem ikollu x-xitan fih, u jiġi xitan ikeċċih, allura dawn x’ġew jagħmlu t-tnejn? Seta’ ma ġie ħadd minnhom! Hija redikola. Kif qal Ġesù, tkun saltna maqsuma fiha nnifisha, lanqas titkellem fuq hekk. Biex turi kemm huma ma kellhomx argumenti kontrieh, u qed jippruvaw isibu x’jivvintaw.

Imbagħad Ġesù jgħid ħaġa oħra, xi ħaġa serja ħafna. Jgħid li d-dnubiet li jagħmlu l-bnedmin jinħafru; hu għalhekk ġie, biex iwassal l-imħabba, il-ħniena, il-maħfra ta’ Alla. Għalhekk min jaċċetta l-imħabba, il-ħniena, il-maħfra ta’ Alla jistgħu jinħafrulu dnubietu.  Għalhekk Ġesù jsemmi li “jinħafru d-dnubiet kollha, anke d-dagħa kollu li jidgħu”. Tajba din għalina l-Maltin, li nitolbu maħfra kbira għad-dagħa! Ġesu jaħfer; imma mbagħad jgħid: “min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu qatt ma jkollu maħfra”. Din hija serja. Qed jgħid Ġesù li hemm xi dnubiet li mhux se jaħfer? Għaliex qed jgħid hekk Ġesù? Għaliex “tieqaf lill-Ispirtu s-Santu” ifisser timblokka l- l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla. Alla jrid jagħtik dawn, u int timblokkah. Dik hi “tieqaf lill-Ispirtu s-Santu”. Għalhekk m’hemmx ċans li jaslu għandek l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla. Prattikament qed tikkastiga lilek innifsek meta tagħmel hekk.

Dan hu messaġġ li jolqot ħafna l-ħajja tagħna. Aħna għandna din l-għażla. Alla qatt ma jimponi ruħu fuqna, iġegħilna bilfors; Alla jistedinna, iħabbat, u jistenna r-risposta tagħna. Jekk aħna nilqgħuh, jekk aħna nilqgħu f’qalbna l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra tiegħu, aħna nkunu aħjar. Alla dejjem jagħmlilna l-ġid bil-preżenza tiegħu fina. Jekk aħna nimblokkawh, aħna li nbatu, għax ma nkunux nistgħu nirċievu l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra tiegħu. Għalehkk minna jiddependi, u din hi responsabbiltà li għandna aħna.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna jkollna dejjem qalbna u moħħna miftuħa għalih, qatt ma nieqfu lill-Ispirtu s-Santu jew nimblokkawh, imma nħalluh jaħdem fina għax hu dejjem iġib fina ħajja ġdida.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: