Il-Knisja hi l-familja ta’ Ġesù, ta’ dawk li laqgħuh f’ħajjithom

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 25 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Festa tal-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kemm hu sabiħ ir-rakkont li jagħtina Luqa fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, fejn jirrakkonta l-konverżjoni tal-Appostlu Missierna! Fil-fatt fl-istess ktieb, dan ir-rakkont tant hu importanti li nsibuh repetut darbtejn oħra. Dan ir-rakkont li smajna llum fil-bidu ta’ din il-quddiesa, hu r-rakkont li jagħti Luqa, narrattiva ta’ x’ġara. Imma hu l-Appostlu Missierna stess li jirrepeti din l-esperjenza darbtejn oħra.

X’għandi nagħmel, Mulej? Din hi l-mistoqsija meta jiltaqa’ mal-Mulej Ġesù fit-triq ta’ Damasku. “Imma issa, qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel” (Atti 9:6). L-ewwel ħaġa li rridu niftakru meta niċċelebraw il-konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl, hi li din il-konverżjoni mhix xi ħaġa li ġejja minn Pawlu, imma hi laqgħa mal-Mulej. Kemm hi ħaġa mportanti li nifhmu li l-fidi tagħna, aħna ngħidu r-reliġjon tagħna; mhijiex sett ta’ regoli, ta’ kmandamenti, ta’ preċetti li għandna nagħmlu –  dawk kollha nsibuhom u jgħinuna. Bihom, imma mingħajr il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, il-ħajja tagħna ssir ikkumplikata u iebsa. Il-konverżjoni ta’ Pawlu, nistgħu nsejħulha wkoll, il-laqgħa ta’ Pawlu ma’ Ġesù hi laqgħa li biddlitu. Jidħol fis-sinagogi, hu li kellu taħriġ mill-aqwa fl-iskola ta’ Gamaljel, wieħed mill-aqwa għalliema tal-liġi u jaf jispjegalhom mill-Kotba Mqaddsa; għax dan Ġesù ta’ Nazaret, li hu kien iltaqa’ miegħu fit-triq ta’ Damasku, b’mod speċjali u partikolari, hu l-Iben t’Alla. Kulħadd jgħid: imma dan x’ġaralu? Il-konverżjoni tal-Appostlu Missierna tagħmel bidla kbira fih; imma l-bidla ġejja mil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù.

Illum irridu nirringrazzjaw lill-Mulej għax kien l-Appostlu Missierna, għalhekk ngħidulu missierna, li laqqagħna ma’ Ġesù

Nistaqsu lilna nfusna u nitolbu l-interċessjoni tal-Appostlu Missierna fuqha din: imma aħna ltqajna ma’ Ġesù? Għaliex ngħidu li aħna Kattoliċi? Għax tgħammidna? Għax qalulna hekk? Imma inti lil Ġesù tafu? Għandek għatx biex issir tafu? Tgħidli kif se nkun nafu? Il-Kelma tiegħu tkellimna, il-Knisja tiegħu, hi l-familja ta’ Ġesù. Midinbin aħna lkoll, mill-kbir saż-żgħir, ilkoll kemm aħna. Imma l-grazzja l-kbira li l-Mulej tani hi li niltaqgħu ma’ Ibnu l-għażiż magħmul bniedem. Ġesù ma jgħidlux: issa emmen fija, imma qallu: “Jgħidulek x’għandek tagħmel” (Atti 9:6). Jibagħtu għand il-komunità, għand il-Knisja. Il-Knisja hi l-familja ta’ Ġesù, ta’ dawk li laqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħhom.

Iqabbad lil Ħananija, imur “u jqegħidlu jdejh fuqu biex jerġa’ jieħu d-dawl” (Atti 9:12). Hu jfiq minn dan l-għama li daħal fih u jitgħammed. Pawlu hu appostlu li tgħammed. L-appostli l-oħra li għexu ma’ Ġesù ma kellhomx bżonn jitgħammdu. Pawlu li ltaqa’ ma’ Ġesù wara l-Irxoxt, hu appostlu li jitgħammed, laqgħa ma’ Ġesù li ssib il-qofol tagħha fil-magħmudija li rċieva, u jsejjaħ l-isem ta’ Ġesù.

Illum irridu nirringrazzjaw lill-Mulej għax kien l-Appostlu Missierna, għalhekk ngħidulu missierna, li laqqagħna ma’ Ġesù. Bil-qawwa tal-isem ta’ Ġesù, fejjaq il-morda kollha tal-gżira tagħna; u għal tliet xhur spjegalna x’inhu u min hu dan l-isem: l-isem ta’ Ġesù.      

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 22:3-16
Salm: 116:1-2
L-Evanġelju: Mk 16:15-18

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: