Life in Tandem

LIFE IN TANDEM – Keeping Pace with Grace

(Edward Farrugia sj, Pubblikazzjonijiet Preca 2021)

Jiena u naqra l-ktieb ta’ Fr Edward ħassejtni msaħħar bħallikieku qed nara wirja ta’ logħob tan-nar ta’ festa Maltija. Għadd hekk kbir ta’ intwizzjonijiet profondi, ġrajjiet li jirrakkuntaw ħafna, riflessjonijiet teoloġiċi u patristiċi waħda isbaħ mill-oħra, f’armonija ta’ dwal u lwien. Kull splużjoni bħal murtal tal-ftuħ, hija parti unika iżda integrali minn spettaklu wieħed kbir – ix-xogħol ta’ mgħallem tas-sengħa moħbi, li jdaħħlek f’esperjenza glorjuża tas-sema.

F’din il-ġabra ta’ artikli u kitbiet, Fr Edward jirnexxilu joħroġ id-dija ta’ idejn Alla jaħdmu fin-natura fqira u sempliċi ta’ Dun Ġorġ. Bħal kull kapolavur li ġej minn idejn l-Imgħallem Divin, l-awtur juri kif Dun Ġorġ kien akbar minn sempliċiment il-ġrajjiet ta’ ħajtu. Ix-xhieda ta’ ħajtu, aktar minn kliemu, xandret l-Aħbar it-Tajba, l-akbar Paradoss, lill-foqra u lin-nies sempliċi: il-Kelma ta’ Alla saret laħam uman – Verbum Dei Caro Factum Est. Dan kien il-motto li adotta Dun Ġorġ għall-att rivoluzzjonarju tiegħu ta’ fiduċja fil-missjoni tal-lajċi fil-Knisja biex ixandar il-Bxara t-Tajba lill-foqra.

Fr Edward jibni ritratt profond u penetranti ta’ Dun Ġorġ u l-istorja tiegħu ta’ mħabba b’dan il-paradoss fundamentali tal-inkarnazzjoni ta’ Alla f’Ġesù – Alla veru u bniedem veru – u allura s-Salvatur veru u uniku tal-bnedmin. Hu l-għajn tal-ħajja – Alla li jimxi pass pass, in tandem, mal-umanità, “keeping pace with his Grace”.

Bħall-logħob tan-nar tal-festa tradizzjonali Maltija, il-kuluri jixgħelu tal-fidi Maltija u s-solidità tradizzjonali jingħaqdu flimkien fi ġrajjiet personali, l-għarfien, il-paradossi spiritwali, pastorali u duttrinali tal-ġgant fraġli u umli li kien Dun Ġorġ. Il-kariżma kreattiva, sempliċi u profonda tiegħu hija għajn ta’ dinamiżmu li jisfida u jagħti l-ħajja – il-frott ta’ ġenju pastorali u spiritwali oriġinali.

Il-ħajja kollha ta’ Dun Ġorġ, kif kien jitlob u jgħallem, kien mod armonjuż u kreattiv kif iġib flimkien karatteristiċi li jidhru li huma kontra xulxin. Dun Ġorġ kien jidher “xott u ta’ ftit kliem”, strett u skrupluż, aħrax u esiġenti. B’danakollu waqqaf Soċjetà li kienet kapaċi tagħti duttrina soda lit-tfal waqt li jilagħbu l-futbol, jgħumu, jiddevertu fil-beraħ u dik li jien insejjaħ “sacred playfulness” logħob qaddis. Iċ-ċentri ta’ tagħlim tiegħu saru “Ċentri ta’ enerġija spiritwali”, kif isejħilhom Fr Edward.

Fil-ktieb l-awtur joħroġ b’qawwa u b’mod fin tant paradossi oħra li jagħmlu minn Dun Ġorġ bniedem ta’ Alla tassew u bniedem tad-dinja ta’ żmienu. Il-fiduċja oriġinali u xokkanti tiegħu f’lajċi sempliċi, bla edukazzjoni jew kważi, kienet xi ħaġa ġdida għal-aħħar fiż-żmien ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II li kellu japprova u jippromwovi s-sejħa appostolika tal-lajċi fil-Knisja klerikalizzata ta’ qabel il-Konċilju. Il-biża’ u l-ossessjoni apparenti tiegħu b’dawk li kienu jissejħu ‘novissmi’, iġifieri ir-realtajiet aħħarija tal-mewt, il-ġudizzju, l-infern u l-ġenna – ħallew impatt drammatiku u trawmatiku qawwi fl-udjenzi kbar tiegħu. B’danakollu, in-nies sempliċi kienet toqgħod tisimgħu għal sigħat sħaħ fis-‘Sajdiet’, il-prietki li kien jagħmel fil-pjazez, imsaħħra bis-serenità ġewwinija u l-preżenza tal-ħniena mimlija mħabba ta’ Alla mwassla minn  bniedem b’qalbu ankrata f’Alla. Dun Ġorġ kien tassew ‘iblah’ għal Kristu. Madankollu hu kellu l-għerf li l-boloh għal Kristu biss jistgħu jiksbu.

Dawn huma biss riferenzi żgħar għal dik li jien insejjaħ “il-kumplessità sempliċi” u s-“sempliċità kumplessa” ta’ min jaċċetta li jimxi wara Kristu b’fedeltà, bis-serjetà u b’qalbu kollha, kif għamel Dun Ġorġ. L-awtur tal-ktieb jenfasizza kemm kienet aktar rilevanti u tfisser aktar milli simbolika l-viżjoni fundamentali li Dun Ġorġ kellu fi triq is-Salib tal-Marsa, meta Ġesù tfajjel talbu l-għajnuna biex jimbotta karretta mimlija demel. Simbolu paradossali ieħor – id-demel – li jirrappreżenta dak li d-dinja tittratta bħala skart li jintrema, jsir l-għajn prezzjuża ta’ ħajja ġdida u abbundanti f’Alla.

Dan il-ġgant umli u qaddis kien imsejjaħ biex jissallab f’salib it-toroq ta’ dawk kollha li huma msejħin jimxu wara Ġesù biex ikunu xhieda tiegħu għad-dinja. Il-ħajja hija tabilħaqq ‘in tandem’ jekk wieħed irid jgħixha b’mod sħiħ. Ma tistax tirċievi l-ħajja jekk ma tagħtihiex. Ma tistax issibha jekk ma titlifhiex  għal Kristu. Ma tistax tkun vera ħajja jekk ma tmutx.

Hekk kif il-qarrej jimxi ‘l quddiem f’din is-sensiela ta’ riflessjonijiet profondi u studjati iżda sempliċi ta’ Fr Edward, is-sbuħija u l-bilanċ ta’ sejħiet qodma u ġodda, tradizzjonali u progressivi, lajċi u klerikali fi ħdan il-Knisja, modi infantili u adulti ta’ kif wieħed isegwi lil Ġesù, ilkoll juru min hu dan Alla li ħa ġisem ta’ bniedem biex fl-Ispirtu Tiegħu jagħmilna ħutu.

Hija avventura mill-aktar eċitanti u esiġenti li timxi fuq il-passi ta’ dan is-Saċerdot Malti sempliċi. Bil-mod tipiku u tradizzjonali Malti, huwa sempliċiment mexa l-mixja, bla pretensjonijiet. L-uniku għan tiegħu kien sempliċiment li jwassal lil Ġesù li dawk li, bħat-tfal żgħar, huma safja f’qalbhom u f’ruħhom.

Dun Ġorġ, jibqa’ llum iktar minn qatt qabel, xempju ta’ ispirazzjoni u qawwa, flimkien ma’ tant segwaċi tiegħu “tal-Mużew”, biex niffaċċjaw b’kuraġġ il-paradossi li qed jiffaċċja llum l-għażiż pajjiżna u biex bla biża’ nagħmlu l-għażliet it-tajba.

Illum aħna wkoll nistgħu nimxu fuq il-passi ta’ Dun Ġorġ “Keeping Pace with Grace”, kif jissuġġerixxi l-isem tal-ktieb. Illum ukoll, jekk bħalu nilbsu żarbun b’saħħtu, mingħajr ma naħlu ħin nibblakkawh biex nidhru sbieħ, kull pass iwassalna, miegħu, eqreb lejn it-tfajjel Ġesù, ħerqan li llum ukoll jerġa’ jitwieled minn ġo fina.

Paul Chetcuti sj

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading