Il-Patrijarka Bartilmew, stqar li l-gwerra fl-Ukrajna “mhijiex gwerra qaddisa u mbierka kif jgħidu xi wħud. Hija gwerra mxajtna”
“Din il-gwerra, kif għidt fil-Polonja, mhix gwerra qaddisa u mbierka kif jgħidu xi wħud. Hija gwerra mxajtna, gwerra mhux qaddisa. Irridu nitolbu biex tispiċċa kemm jista’ jkun malajr”. Dan qalu l-Patrijarka Bartilmew, li tkellem il-Ħadd filgħaxija, fl-Għasar tar-Randan li ċċelebra fil-Knisja tat-Trinita Qaddisa li tinsab fi Pjazza Taksim, fil-qalba ta’ Istanbul. Preżenti għall-Għasar kien hemm ukoll Mons. Massimiliano Palinuro, vigarju appostoliku ta’ Istanbul, li għadu kif ġie elett.
Il-Patrijarka Ekumeniku rrefera, fost affarijiet oħra għaż-żjara uffiċjali riċenti li għamel fil-Polonja, fuq stedina tal-President Andrzej Duda, fejn iltaqa’ mar-refuġjati Ukreni li ħarbu minn art twelidhom minħabba l-invażjoni Russa.
Il-Qdusija Tiegħu faħħar lill-awtoritajiet u lill-poplu tal-Polonja għall-merħba sabiħa, l-ospitalità u l-imħabba Nisranija li juru lir-refuġjati. Imbagħad fakkar fit-talb ekumeniku li sar f’Varsavja fil-kampus tal-‘Università Kardinal Stefan Wyszyński’, flimkien mal-Arċisqof Kattoliku, Mons. Stanisław Gądecki, żied jgħid: “Irridu nitolbu kontinwament għar-restawr tal-paċi fl-Ukrjna u fid-dinja”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.agensir.it/quotidiano/2022/4/5/ucraina-patriarca-bartolomeo-non-e-una-guerra-santa-e-benedetta-come-alcuni-sostengono-e-una-guerra-diabolica/