Fr Raymond Gatt OP
Jekk kien hemm persuna li Patri Ġwann Xerri OP kien jammira ħafna kien bla dubbju Papa Franġisku. Jien smajtu kemm-il darba jitkellem fuqu b’ammirazzjoni, u peress li Papa Bergoglio huwa Arġentin, Patri Ġwann kien saflaħħar qata’ xewqtu li fl-Istorja twila tal-Knisja Kattolika deher Papa mill-Amerika Latina u qiegħed jagħmel impatt evanġeliku fuq id-dinja kollha. Patri Ġwann kien missjunarju għal erbgħin sena fil-Brażil u tista’ tgħid li matul dan iż-żmien tkellem u ħadem fuq dak kollu li huwa soċjali u li jolqot lill-persuna umana fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk xtaqt li f’dan li ġej insemmi t-temi ewlenin ta’ Papa Franġisku fejn jidħol it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.
I
Il-Knisja Kattolika fuq l-eżempju u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu dejjem interessat ruħha mill-bniedem. Hija tagħraf li d-dinjità tal-bniedem dejjem trid tiġi mħarsa għax hu ħolqien t’Alla u l-istess Alla, jrid li l-bniedem jiġi rrispettat matul ħajtu kollha. Dan il-Knisja dejjem emmnietu sa mill-oriġini tagħha. Għalhekk matul iż-żmien il-Knisja tkellmet fuq il-bniedem sħiħ: kemm fuq affarijiet li jolqtu dak li hu spiritwali u anki dak materjali tal-ħajja umana.
Lejn l-aħħar tas-seklu 18 seħħet dik li tissejjaħ ir-Rivoluzzjoni Industrijali u Teknoloġika[1] li bdiet fl-Ingilterra u fi ftit taż-żmien xterdet mal-Ewropa kollha. Din ġabet trasformazzjoni fil-mod ta’ għajxien tal-familji, fejn il-magni ħadu post il-ħaddiema u l-fabbriki l-post tan-negozji tal-familji. Għalkemm sar dan il-progress fil-qasam tax-xogħol, dan imma ġab ukoll sfruttament min-naħa ta’ min iħaddem lejn il-ħaddiema tiegħu. F’dan iż-żmien ma kien hemm l-ebda organizzazzjoni li kienet lesta li taqbeż għall-ħaddiema (anki nisa u tfal) li nġustament bdew jiġu sfruttati b’sigħat twal ta’ xogħol u pagi miżeri. Kien biss lejn nofs is-seklu 19 li bdew jidhru xi liġijiet biex jipproteġu lill-ħaddiema.
Quddiem din ir-realtà ġdida, il-Knisja għarfet il-bżonn li ssemma’ leħinha quddiem l-inġustizzji li bdew jinbtu quddiem l-iżvilupp ekonomiku li ġabet magħha r-Rivoluzzjoni Industrijali. Hi fehmet li l-missjoni tagħha hija għal kull bniedem, biex tibni soċjetajiet imdawla minn prinċipji u valuri insara, u b’hekk tiddefendi l-bniedem quddiem l-inġustizzji.
Lejn l-aħħar tas-seklu 19 sa żminijietna l-Knisja ħarġet numru ta’ dokumenti fosthom għadd kbir ta’ Enċikliki tal-Papiet li fihom żvilluppat it-Tagħlim Soċjali tagħha li jirrigwarda lill-bniedem sħiħ u għamlet sejħa għal riformi soċjali. L-ewwel Enċiklika li tesponi t-Tagħlim Soċjali tal-Knisja lis-soċjetà industrijalizzata hija r-Rerum Novarum[2] li ħarġet mill-Papa Ljun XIII fil-15 ta’ Mejju tal-1891. Wara isegwu, fuq medda ta’ 130 sena diversi dokumenti[3] li jagħmlu parti mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.[4] Għalkemm wieħed ma jsibx soluzzjonijiet ħfief għall-problemi soċjali, imma dan it-tagħlim jitfa’ dawl u għerf li jgħinu lill-bnedmin biex il-ħajja tagħhom tkun iktar mibnija fuq id-dinjità u r-rispett.
Meta wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn dawn id-dokumenti kollha tal-Knisja mal-ewwel joħorġu ċerti temi ewlenin li jolqtu lill-bniedem fil-ħajja tiegħu. Nistgħu insemmu: id-dinjità u d-drittijiet tal-persuna umana mit-twelid sal-mewt, il-ħajja tal-familja, l-għażla preferenzjali favur il-foqra u n-nies vulnerabli, il-valur tax-xogħol għal kulħadd, it-tfittxija għall-ġid komuni, il-ġustizzja ekonomika, il-fratellanza tal-ġens uman, is-solidarjetà u l-paċi fost il-ġnus u l-ħarsien tal-ħolqien. F’dawn it-temi toħroġ iktar is-sejħa tal-Knisja għal ħajja iżjed umana fost il-bnedmin. Wara kollox dan li qiegħed jinsisti fuqu l-ħin kollu Papa Franġisku matul il-pontifikat tiegħu.[5]
II
Il-Papa Franġisku kompla saħħaħ permezz tal-kitbiet tiegħu t-tradizzjoni tant għanja tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.[6] Huwa wkoll ma waqafx iwieżen u jissapportja lil diversi movimenti li qegħdin jaħdmu għall-ġustizzja soċjali fid-dinja. Peress li Papa Franġisku għandu l-polz tad-dinja u jaf x’teħtieġ, huwa b’leħen profetiku ma joqgħodx lura u ma jibżax jitkellem fuq ċerti temi li qed jolqtu l-ħajja tal-bniedem tallum b’mod speċjali fi żmien il-pandemija tal-Covid-19 li qed tagħmel il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies iktar diffiċli.
Papa Franġisku jsostni li t-Tagħlim Soċjali tiegħu huwa msejjes fuq l-Evanġelju. Filfatt il-prinċipji li fuqhom huwa jibni t-Tagħlim Soċjali bħalma huma l-għażla preferenzjali tal-foqra,[7] is-solidarjetà, is-sussidjarjetà, il-partiċipazzjoni u l-ġid komuni kollha huma msejjsa fuq il-valuri evanġeliċi li jieħdu forma konkreta fuq livell soċjali u kulturali. L-enfasi tiegħu biex tiġi mħarsa d-dinjità ta’ kull ħajja umana tirrikjedi ħidma bla waqfien għal iktar inklużjoni u ugwaljanza biex b’hekk ikun hemm bidla radikali fil-ħajja tal-bnedmin quddiem l-istrutturi tad-dnub. Dan jitlob konverżjoni personali u fl-istess ħin bidla fil-mudelli soċjo-ekonomiċi biex dawn isiru iktar umani.
Dawn li ġejjien huma l-iktar temi trattati mill-Papa Franġisku matul il-pontifikat tiegħu li jagħmlu parti mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja:
• Il-ħolqien u d-degradazzjoni tiegħu: Franġisku nistgħu insejħulu l-Papa tal-Ambjent għax ħadd daqsu fis-siġġu ta’ Pietru ma tkellem daqshekk favur il-preservazzjoni tal-ħolqien. L-Enċiklika Laudato Si’[8] dwar l-għożża tad-dar komuni, hija miftuħa għall-ġnus kollha li għandhom għal qalbhom il-pjaneta li jgħixu fiha. Papa Franġisku jistieden lil kulħadd biex jagħraf l-appell, l-immensità u l-urġenza tal-isfida li qed naffaċċjaw quddiem il-qerda ta’ darna. Hija sejħa biex inkunu responsabli u ħarriesa tal-ambjent li ngħixu fih biex ma jinqeridx għax inkella inkunu qegħdin neqirdu lilna nfusna.
• Il-ħajja tal-familja: filwaqt li huwa jesponi s-sbuħija tal-familja nisranija u l-valuri evanġeliċi li jinsabu fiha, huwa wkoll jrrikonoxxa l-isfidi li l-familji qed jiffaċċjaw u kif il-Knisja għandha tindirizza u tagħti l-għajnuna tagħha lil dawk li jinsabu imġarbin.[9] Kien fil-bidu tal-pontifikat tiegħu li sejjaħ Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma li minnu ħarġet l-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali Amoris Laetitia[10] fuq l-imħabba fil-familja. Għalkemm għalih il-ħajja fil-familji mhijiex faċli, imma huwa jpoġġi t-tama tiegħu f’familji li jagħmlu minn kollox biex dejjem jibqgħu jħobbu lil xulxin u jaqsmu din l-imħabba mad-dinja.[11]
• Il-persuna tal-Mara: fl-omelija li għamel Papa Franġisku fl-ewwel tas-sena 2022 huwa qal: ‘li n-nisa u l-ommijiet iġibu l-ħajja u jżommu d-dinja. Għalhekk irridu nagħmlu l-almu tagħna biex nipproteġu lill-ommijiet u lin-nisa. Kemm vjolenza qegħedha issir lin-nisa! Biżżejjed! Meta tweġġa’ mara tkun qiegħed tinsulta lil Alla, li minn mara ħa n-natura ta’ bniedem. Dan m’għamlux permezz ta’ anġlu; lanqas ġie b’mod dirett; imma dan għamlu permezz ta’ mara’.[12] Dan il-kliem tal-Papa huwa sejħa imqanqla quddiem ir-realtà tal-femiċidju[13] u l-vjolenza domestika, biex dawn jieqfu mill-iktar fis u l-mara tiġi rispettata f’kull rokna tad-dinja.[14]
• Il-faqar u d-dinjità umana: huwa jpoġġi l-qalba tal-fidi nisranija fil-ġustizzja u l-kura għal dawk li l-iktar huma vulnerabli b’mod speċjali l-foqra tant li ħoloq sensittività ġdida fejn jidħlu l-fqar u anki nieda Jum il-Foqra fl-2017. Il-viżti kontinwi tiegħu lil dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom u li huma esklużi mis-soċjetà, il-priġunieri fil-ħabsijiet, ir-refuġjati fil-kampijiet, il-morda fl-isptarijiet u l-kuntatt li huwa għandu ma’ kull kategorija ta’ nies juru l-imħabba kbira lil Papa Franġisku għandu għal dawn il-persuni. Il-problema tal-faqar kull ma tmur qegħdha tikber fejn l-għani jsir iktar għani u l-fqir iktar fqir. Bla dubju din hi l-ikbar inġustizzja li teżisti fid-dinja.[15]
• Id-dinjità tal-immigranti u t-tama għall-ħajja aħjar: meta l-Papa Franġisku indirizza l-Kungress Amerikan f’Settembru tal-2015 huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala ‘iben l-immigranti’. Ċertament id-difiża tiegħu tal-immigranti għamilha prijorità tal-pontifikat tiegħu. Tant hu hekk li l-ewwel vjaġġ tiegħu bħala Papa barra l-Vatikan kien fit-8 ta’ Lulju 2013, ġewwa Lampedusa fejn iltaqa’ mal-immigranti fil-kampijiet. Illum eluf ta’ nies qed iħallu pajjiżhom biex ifittxu futur aħjar. Dan qed iwassal għal ħafna mwiet waqt il-vjaġġ.[16] Il-fenomenu tal-migrazzjoni ilu jeżisti eluf ta’ snin imma f’dan l-aħħar żmien sar fatt ta’ kuljum. Għalhekk Papa Franġisku il-ħin kollu jħeġġeġ lill-kapijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja biex illum qabel għada jindirizzaw il-migrazzjoni għax qed tikkawża tbatija kbira fost il-bnedmin. Huwa wkoll tkellem biex l-immigranti jiġu milqugħin fil-pajjiż fejn imorru ħalli jkollhom futur diċenti bħala persuni.[17]
• Il-ġustizzja u x-xogħol: Papa Franġisku tkellem matul il-pontifikat tiegħu fuq id-dinjità u l-valur tax-xogħol tal-bniedem. Il-qliegħ m’għandux jiġi qabel id-dinjità tal-ħaddiema; ix-xogħol qiegħed għall-bniedem u mhux il-bniedem għax-xogħol! Skont il-Papa d-dinjità tal-bniedem ma tiġix mill-poter, mill-flus u mill-kultura imma mix-xogħol. Il-ħaddiem ħaqqu li jitħallas paga ġusta u ma jiġix sfruttat, biex b’hekk ikun jista’ jgħajjex il-familja tiegħu b’mod dinjituż; ‘Il-persuna li taħdem, hu x’inhu x-xogħol tagħha, qed tikkollabora ma’ Alla nnifsu, issir xi ftit jew wisq ħallieq tad-dinja’.[18]
• L-ekonomija tal-esklużzjoni u s-solidarjetà: qegħdin ngħixu f’kultura neo-liberali[19] fejn is-sinjuri jkomplu jistagħnew u magħhom jiekol kulħadd mill-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda. Franġisku bla tlaqliq igħid ‘la toqtolx’ lill-ekonomija tal-esklużjoni u l-inugwaljanza – ekonomija bħal din toqtol għax hija mibnija fuq il-materjaliżmu u r-regħba.[20] Huwa jħeġġeġ biex l-ekonomija u s-suq ikunu umani, ġusti u jirrispettaw il-bżonnijiet tal-persuni. L-ekonomija barra li titħaddem b’mod politiku trid tiġi mħaddma b’moralità u twassal għall-ġid komuni. Ħadd ma jrid jiġi eskluż fis-soċjetà.
• Il-globalizzazzjoni tal-indifferenza u l-għajta għall-ġustizzja: fil-vjaġġ tiegħu lejn il-Filippini fl-2015,[21] Papa Franġisku ġie mistoqsi minn tifla għaliex ħafna tfal qegħdin jiġu abbandunati mill-ġenituri tagħhom u jkollhom iterqu fit-toroq fi tbatija kbira. Huwa ma kellux tweġiba għal dan imma sostna li l-indifferenza trid tintrebaħ bl-imħabba u l-għożża. Aħna lkoll nappartjenu għall-istess familja, ilkoll aħwa subien u bniet. Kif nistgħu inkunu indifferenti għall-ħutna li qed ibatu? Franġisku mhux biss tkellem fuq l-indifferenza imma kull sofferenza fid-dinja, fil-popli u fil-ħolqien, jaffetwawh b’mod personali. Huwa mhux biss jibgħat messaġġi ta’ tama imma hu l-istess messaġġ ta’ tama lid-dinja miġruħa. Jibqa’ famuż il-Messaġġ li bagħat Papa Franġisku lid-dinja fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid-19.[22]
• L-aġenti ta’ rikonċiljazzjoni u bini ta’ pontijiet: fl-aħħar enċiklika tiegħu Fratelli Tutti, Papa Franġisku jsostni li l-unika triq il-quddiem għall-umanità hija l-imħabba għax din tibni pontijiet u għax ‘aħna maħluqin għall-imħabba u f’kull wieħed u waħda minna hemm speċi ta’ liġi ta’ estasi: fejn noħorġu minna nfusna biex insibu fl-oħrajn mod kif aħna nikbru’.[23] Dan iwassalna iktar biex nifhmu u ngħixu l-libertà, l-ugwaljanza u l-fraternità li tant hemm bżonnhom fid-dinja tagħna. U jekk hemm storja li ddawalna fuq dan hija bla dubju l-parabbola li rrakonta Ġesù Kristu, dik tas-Samaritan it-Tajjeb[24] li l-Papa japplikaha għal żminijietna. Il-Knisja trid tkun aġent ta’ rikonċiljazzjoni fid-dinja. Bejn ir-reliġjonijiet jrid ikun hemm djalogu san u rispettuż biex tirrenja l-għaqda u l-paċi. Id-diversità li teżisti fil-kulturi u fit-twemmin mhix qegħdha hemm biex tifred imma din turi r-rikezza li hemm fl-umanità.
Papa Franġisku bil-ħidma tiegħu kompla jagħmel iktar għani t-Tagħlim Soċjali tal-Knisja. Dan juri kemm il-Knisja hija viċin tal-bniedem u dejjem lesta ssemma’ leħinha biex ikun hawn il-ġustizzja fid-dinja, li tintlaħaq b’impenn responsabli u b’perseveranza fis-solidarjetà. B’hekk naslu li jkollna dinja iktar umana u ġusta bid-diversità kollha tagħha. Patri Ġwann Xerri OP kellu din il-viżjoni u dejjem ipprova jaħdem biex din issir realtà.
Noti
[1] Ara The Age of Revolution 1789-1848., Eric Hobsbawm., Abacus, London, 1977; Industrialisation and Social Inequality in 19th Century Europe., Hartmut Kaelble., Berg, UK, 1986.
[2] Din l-Enċiklika, li hija t-38 waħda fost il-85 enċikliki ta’ Papa Ljun XIII (mexxa l-Knisja Kattolika mill-1878 sal-1903), tittratta l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiżi industrijalizzati.
[3] Fl-1931 insibu l-Enċiklika Quadragesimo Anno tal-Papa Piju X; fl-1963 l-Enċiklika Mater et Magistra ta’ Papa Ġwanni XXIII u l-istess Papa fl-1963 jagħtina l-Enċiklika Pacem in Terris; imbagħad għandna l-Kostituzzjoni Gaudium et Spes tal-Konċilju Vatikan II fl-1965; wara il-Papa Pawlu VI tana l-Enċiklika Populorum Progressio fl-1967, l-Enċiklika Octagesima Adveniens fl-1971 u l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi fl-1975; fl-1971 insibu wkoll d-dokument tas-Sinodu tal-Isqfijiet bl-isem Justicia in Mundo; il-Papa Ġwanni Pawlu II kiteb erba’ enċikliki soċjali li huma: Laborem Exercens tal-1981, Sollicitudo Rei Socialis fl-1987, Centesimus Annus fl-1991 u Evangelium Vitae tal-1995; wara dan Papa Benedittu XVI ħallilna l-Enċiklika Caritas in Veritate fl-2009; mentri Papa Franġisku tana l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium fl-2013, l-Enċiklika Laudato Si’ fl-2015 u l-Enċiklika Fratelli Tutti fl-2020.
[4] Ara Compendium of the Social Doctrine of the Church., Vatican City, 2004; It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja., Knisja 2000., edit.Raymond Gatt OP, nru.57, lul-set 2001; Żammejnieh Moħbi., edit.Michael J.Schultheis, Edward P.BeBerri & Peter J.Henriot., CAM, 1990; Il-Kontribut tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, Charles J. Scicluna., f’Kollox Politika? edit. Mario Thomas Vassallo, Malta University Publishing, 2021.
[5] Papa Franġisku huwa l-ewwel Papa fl-Istorja twila tal-Knisja li ġej mill-kontinent Latin Amerikan. Jorge Mario Bergoglio twieled fi Buenos Aires, l-Arġentina, fis-17 ta’ Diċembru tal-1936. Huwa kien ordnat saċerdot Ġiżwita fit-13 ta’ Diċembru 1969. Laħaq provinċjal tal-Ġiżwiti Arġentini fl-1973. Imbagħad laħaq Arċisqof ta’ Buenos Aires fl-1998 u kardinal fil-21 ta’ Frar 2001. Bħala Isqof u Kardinal huwa kien magħruf għall-umiltà u l-impenn tiegħu għall-ġustizzja soċjali, fejn kien jitkellem fuq il-problemi ekonomiċi, soċjali u politiċi fl-Arġentina. Huwa ġie magħżul Papa fit-13 ta’ Marzu 2013 u ħa l-isem ta’ Franġisku għax qal li se jimxi fuq il-passi ta’ San Franġisk t’Assisi. Papa Franġisku se jżur pajjiżna bejn it-2 u t-3 ta’ April, 2022. Ara, L-Evanġelju ta’ Papa Franġisku., Knisja 2000, edit.Raymond Gatt OP., nru.107, jan-mar 2004.
[6] Ara Papa Franġisku., Evangelii Gaudium (2013), Laudato Si’ (2015), Fratelli Tutti (2020)u Let us dream – the Path for a better Future (2020)., Key Words of Pope Francis., edit.Joshua J.Mcelwee & Cindy Wooden., Bloomsbury, London, 2018.
[7] Ara l-istudju fuq din it-tema kif żviluppat matul iż-żmien: Donal Dorr., Option for the Poor and the Earth., Maryknoll, 1992.
[8] Ippublikata fl-24 ta’ Mejju 2015 u magħmula minn Daħla u sitt kapitli. Il-qofol tagħha hu li tipprova tirrispondi għall-mistoqsija: X’tip ta’ dinja irridu nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri? Ara Pope Francis., Care for Creation., edit.Giuliano Vigini., Bangalore, 2018; L-għajta ta’ Ommna l-Art., Knisja 2000, edit. Raymond Gatt OP., nru. 131, jan-mar 2020.
[9] F’serje ta’ katekeżijiet fl-Udjenzi ta’ nhar t’Erbgħa, mill-10 ta’ Diċembru 2014 sat-18 ta’ Novembru 2015, Papa Franġisku bi kliem sempliċi u fl-istess ħin prattiku tkellem fuq l-importanza tal-familja fiż-żminijiet tal-lum. Ara, Papa Francesco., La famiglia genera il-mondo: Le catechesi del mercoledi., Libreria Editrice Vaticana, 2015.
[10] Fiha Daħla u disa’ Kapitli li jesponu l-viżjoni nisranija għal kull familja li trid tinbena fuq ir-responsabilità, l-interess, l-umiltà u l-imħabba li jridu l-membri tal-familja lejn xulxin. Fiha jiġu trattati f’dawl ġdid koppji li jikkoabitaw, familji b’ġenitur wieħed u koppji li reġgħu iżżewwġu.
[11] Ara għal aktar tagħrif fuq din it-tema, Insaħħu l-Familji tagħna., Knisja 2000, edit.Raymond Gatt OP., nru.88, apr-ġun 2009.
[12] Ara, L’Osservatore Romano., Weekly Edition in English, 55th Year, number 1, Friday 7th January 2022, pp.4-5.
[13] Huwa kkalkulat li jsiru medja ta’ 66 elf qtil ta’ nisa fis-sena fejn nofshom isiru fil-kontinent Latin Amerikan. L’El Salvador hu l-iktar pajjiż li fih isiru femiċidji. Skont Edward Attard f’artiklu li deher fit-Times of Malta 18-01-22 p.11, f’Malta inqatlu 142 mill-1800 sal-lum. Fl-Awstrija matul l-2021 inqatlu 31 mara (Denise Hruby., Times of Malta 19-01-22 p.11).
[14] Ara għal aktar tagħrif fuq din it-tema: Il-Mara., Knisja 2000, edit.Raymond Gatt OP., nru.36, jan-mar 1996 u Il-Feminiżmu u l-Mara fis-Soċjetà., Knisja 2000, edit.Raymond Gatt OP., nru.98, ott-diċ 2011.
[15] Ara għal aktar tagħrif, Il-Problema tal-Faqar., Knisja 2000, edit.Raymond Gatt OP., nru.122, ott-diċ 2017.
[16] Papa Franġisku kemm-il darba tkellem fuq il-baħar Mediterran bħala ċimiterju għal tant nies fosthom tfal li tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaqsmu mill-Afrika ta’ Fuq għall-kontinent Ewropew.
[17] Ara, għal aktar tagħrif, l-Enċiklika ta’ Papa Franġisku., Fratelli Tutti., it-2 u r-4 Kapitlu., 2020; u Il-Fenomenu tal-Migrazzjoni., Knisja 2000, edit.Raymond Gatt OP., nru.96, apr-ġun 2011.
[18] Ara, l-Ittra Appostolika ta’ Papa Franġisku fuq San Ġużepp Patris Corde., 2020, nru.6.
[19] Ara għal aktar tagħrif fuq din it-tema Il-Kultura Neo-Liberali., Knisja 2000, edit.Raymond Gatt OP., nru.120, apr-ġun 2017.
[20] Ara, l-Enċiklika ta’ Papa Franġisku., Laudato Si’, Kap.3.
[21] Papa Franġisku għamel il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu lejn il-Filippini mill-15 sad-19 ta’ Jannar, 2015.
[22] Ara Messaġġ Urbi et Orbi ta’ Papa Franġisku, 12 t’April 2020.
[23] Ara Fratelli Tutti., Kap 3 nru.88.
[24] Ara Lq 10:25-37.