Il-Papa jibki l-massakru li seħħ f’Bucha, u jitlob li tintemm il-gwerra fl-Ukrajna

Print Friendly, PDF & Email

Hekk kif il-firxa tal-massakru taċ-ċivili fil-belt Ukrena ta’ Bucha qed tkompli tidher ċara, l-Papa Franġisku semma’ leħnu u beka t-traġedja umana li seħħet waqt li t-truppi Russi żammew iż-żona.

Meta tkellem fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa qal li jrid jieqaf il-qtil ta’ ċivili innoċenti.

“Qed iseħħu aktar krudeltajiet orrendi, anke kontra nies ċivili, n-nisa u t-tfal bla saħħa. Dawn huma vittmi li d-demm innoċenti tagħhom jgħajjat jitlob lejn is-sema”.

Il-Papa Franġisku mbagħad ġedded l-appell tiegħu biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna.

“Jalla din il-gwerra tieqaf! Jalla l-armi jieqfu u jisktu. Ieqfu iżirgħu l-mewt u l-qerda”.

Il-Qdusija Tiegħu stieden lil kulħadd biex għal mument jitlob fis-skiet biex jitolbu lil Alla għal din l-intenzjoni.

Il-Papa qal, li t-Tlieta huwa kien irċieva bandiera Ukrena mill-belt ta’ Bucha. Imbagħad fetaħ il-bandiera mtebba u żammha biex jaraha kulħadd, u qal li din il-bandiera “Ġejja mill-gwerra, minn dik il-belt martri ta’ Bucha”.

Il-Papa Franġisku żied jgħid li diversi tfal Ukreni, li issa huma refuġjati fl-Italja, huma preżenti għall-Udjenza Ġenerali, u stidinhom jitilgħu ħdejh fuq il-palk.

“Dawn it-tfal kellhom jaħarbu, u waslu f’art differenti. Dawn huma frott tal-gwerra. Ejjew ma ninsewhomx, u ma ninsewx lill-poplu Ukren”.

Hekk kif ħalla lit-tfal jerġgħu lura f’posthom, il-Papa Franġisku nnota li huwa “diffiċli li wieħed jinqala’ minn art twelidu”.

Bucha, hija belt suburbana li tinsab fil-majjistral ta’ Kiev, li kienet miżmuma mill-forzi Russi bejn is-27 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu, meta t-truppi rtiraw miż-żona.

Hekk kif it-truppi Ukreni daħħlu fil-belt – akkompanjati minn membri tal-istampa internazzjonali – bdew ħerġin xeni simili apokalittiċi ta’ kadavri miġbura flimkien u maħruqa, flimkien ma’ evidenza ta’ qtil ta’ nies ċivili u mhux armati bi stil ta’ eżekuzzjoni.

Dak li darba kien subborg ta’ klassi tan-nofs, issa sar xena orribli ta’ tortura u qtil, bis-sindku tal-belt jgħid li ‘l fuq minn 320 ċivili nqatlu, f’din il-belt. Instab ukoll qabar tal-massa. Li jista’ jkun fih ‘il fuq minn 150 katavru. L-immaġini bis-satellita juru li ħafna katavri oħra ilhom ġimgħat sħaħ fit-toroq.

Bi tweġiba għall-massakru ta’ Bucha, l-gvernijiet tal-Punent żiedu s-sanzjonijiet fuq ir-Russja, li ssostni li l-massakru huwa ingann.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-04/pope-francis-ukraine-appeal-bucha-massacre.html

%d bloggers like this: