Ġesù msallab: l-imħabba rebbieħa

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 15 ta’ April 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Ġimgħa l-Kbira. Knisja Parrokkjali Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Meta l-Papa Franġisku kien Malta, l-aħħar laqgħa li kellu kienet ġewwa Ħal Far mal-migranti. Kien hemm uħud mill-aġenziji tal-media, anke barranin, li biex jiddeskrivu l-post, qalu: hawn għandna l-palk li minn fuqu se jitkellem il-Papa, u billi se jkun hemm ħafna migranti Musulmani, il-palk ma għandux kurċifiss.

Ma nafx min ħareġ biha din, għax mhu veru xejn. Mhu veru xejn li tneħħa jew ġie mwarrab kurċifiss għax fost il-migranti kien hemm ħafna Musulmani. Il-Papa stess kellu l-kurċifiss fuqu u ma neħħihx, u t-talba li għamel kienet issemmi wkoll lil Ġesù quddiem dawk kollha preżenti.

Miet biex isalva l-umanità

Fil-fatt hija stramba li taħseb li inti twarrab lil Ġesù msallab minħabba f’min hemm preżenti, meta Ġesù msallab huwa Ġesù li miet għall-umanità, mhux għal xi nies biss. Ma mietx biss għal dawk li jemmnu fih, imma miet għall-bnedmin kollha. Għalhekk is-salib mhuwiex bħall-bandiera ta’ grupp jew ta’ partit, imma s-salib hu s-sinjal ta’ dan Ġesù li miet għall-bnedmin kollha, biex jifdi l-bnedmin kollha.

Irridu niftakru dan, aħna li aħna midħla tas-salib u speċjalment ta’ Ġesù msallab. Għax jista’ jiġrilna – u din hi tentazzjoni għalina – li s-salib jibqa’ dekorazzjoni. Dekorazzjoni sabiħa li naraw f’diversi postijiet, xi ħaġa li nħarsu lejha minn barra u forsi anke nammiraw, imma kultant nitilfu l-messaġġ qawwi li jagħti Ġesù msallab.

Ġesù fuq is-salib: mewta kiefra ta’ tbatija kbira

Kultant jiġrilna li nitilfu s-sens kbir ta’ tbatija li hemm meta Ġesù qiegħed fuq is-salib. Irridu niftakru li din kienet l-agħar mewta possibbli dak iż-żmien, l-agħar kastig min-naħa tar-Rumani dak iż-żmien, u kienet mewta terribbli fuq is-salib. Wara dik il-passjoni ħarxa, Ġesù għadda minn mumenti oħra ta’ tortura fuq is-salib, mewta verament kiefra.

Mhijiex biss it-tbatija fiżika. It-tbatija ta’ Ġesù fuq is-salib hi t-tbatija wkoll ta’ min hu vittma ta’ tant ħażen – fil-Passjoni għandna qisu l-ħażen miġbur – vittma ta’ tant ħażen meta hu tant għamel ġid. Vittma tat-tradiment, taċ-ċaħda, tal-abbandun minn dawk l-aktar qrib tieħu, tal-insulti, tal-folla – u l-Passjoni dejjem tfakkarna li l-folla waħedha tista’ tkun żbaljata, bħalma kienet hawnhekk meta talbet li jinħeles brigant u jinqered sid il-ħajja. Ġesù, hemmhekk fuq is-salib, għadda minn dit-tbatija kollha. Għalhekk aħna nagħmlu din it-tifkira llum, biex nerġgħu nidħlu fil-fond tat-tbatija tiegħu, ħalli niftakru dak li hu għamel għalina biex lilna jsalvana.

Ġesù fuq is-salib: l-imħabba hija akbar minn kull ħażen

Aħna u nħarsu lejn is-salib, għalhekk, niftakru f’din it-tbatija kbira. Imma niftakru wkoll – u dan hu l-ikbar messaġġ li nieħdu f’ġurnata bħal din – li l-imħabba hija ikbar minn dan kollu. L-imħabba ta’ Alla, murija f’Ġesù fuq is-salib, hi ikbar mit-tradiment, mill-abbandun, mill-insulti, mill-vjolenza, mill-mibegħda, mill-għira, mill-kefrija. L-imħabba ta’ Alla hi ikbar minn dan kollu, u hi din l-imħabba li naraw f’Ġesù fuq is-salib, li hu spjegaha b’mod sabiħ: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”. Ma konniex ħbiebu, imma qiesna bħala ħbiebu u ta ħajtu għalina. Dik hi l-imħabba kbira li naraw f’Ġesù msallab.

Għalhekk, filwaqt li aħna nifhmu t-tbatija kbira tiegħu fuq is-salib, imma nifhmu wkoll din l-imħabba kbira li hu qed juri magħna. Aħna llum żgur li nuru l-gratitudni tagħna lejh. Għalhekk, meta nitilgħu ftit ieħor biex inbusu lil Ġesù msallab, ejjew nagħmlu dan billi nitolbuh l-ewwel nett maħfra tal-ħtijiet tagħna. Lilu li, kif rajna fil-Profeta Isaija, refa’ fuqu d-dnubiet tagħna u l-ħtijiet tagħna biex jifidina minnhom, nitolbuh li hu jaħfrilna d-dnubiet tagħna. Meta nħarsu lejh imsallab, qed niftakru f’din l-imħabba u l-ħniena li huma akbar mid-dnubiet tagħna. Hu dejjem lest jaħfrilna.

Nitolbuh biex aħna nkunu dejjem grati lejn din l-imħabba li hu juri magħna, u li dejjem ngħixu tassew b’din l-imħabba f’qalbna.

Inressqu t-tbatija ta’ tant nies

Illum, aħna u nħarsu lejn Ġesù msallab, inġorru magħna wkoll it-tbatija ta’ tant nies bħalissa. Niftakru f’dawk kollha li huma vittmi tal-mibegħda u tal-vjolenza, bħall-poplu tal-Ukrajna bħalissa, u dawk kollha f’postijiet oħra li forsi ma nisimgħux daqshekk bihom u li qed ibatu. Aħna nressquhom quddiem il-Mulej, u ngħidulu: inti li ħadt fuqek it-tbatija ta’ tant nies, li fil-Passjoni tiegħek hemm miġbur il-ħażen kollu kontrik, int li fdejtna b’imħabbtek, ħu ħsieb dawn in-nies li bħalissa għaddejjin minn tant tbatija.

Hemm min ukoll għaddej minn tbatija personali, jew fil-familja, jew bil-mard. Inressqu dan quddiem il-Mulej imsallab u nitolbuh ukoll biex lilna jagħtina qalb mimlija mħabba bħal tiegħu. Li tgħinna biex fil-mumenti iebsa, aħna ningħaqdu miegħu, ħalli hu jakkumpanjana fit-tbatija tal-ħajja tagħna. U jfakkarna dak li se niċċelebraw ftit mumenti oħra, għada filgħaxija – imma li jitfa’ d-dawl fuq dak li qed niċċelebraw illum – li s-salib mhux it-tmiem, imma s-salib ta’ Kristu hu rebbieħ. L-imħabba kbira ta’ Alla rebħet, u din tintwera meta Kristu jirbaħ il-mewt.

Nadurawk, O Ġesu, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: