Bennejja tal-imħabba

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Mejju 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa tal-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Gabriel Vella. Katidral tal-Assunta, Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-ordinazzjoni-presbiteraliil-gimgha-20-ta-mejju-2022?utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Il-barranin li jiġu f’pajjiżna, dawk li ma jafux b’Ġesù, kif taħsbu li jindunaw li aħna Nsara? Tgħiduli: ‘Daqskemm għandna knejjes kbar! Kif tasal Għawdex tara kull knisja kbira!’. Imma f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa tan-Nord ukoll hemm ħafna knejjes kbar, u llum dawn huma mużewijiet. Tgħiduli: ‘Daqskemm nagħmlu purċissjonijiet u festi! Mhux bilfors jindunaw!’. Imma l-festi ma jsirux biss marbutin mal-knejjes jew mal-fidi, imma jistgħu jsiru marbutin ma’ okkażjonijiet u tifkiriet oħra tal-pajjiż.

Minn fejn għandhom jindunaw li waslu f’pajjiż Nisrani? Jgħidhulna Ġesù: mill-imħabba ta’ bejnietna (ara Ġw 13:35), mit-tip ta’ mħabba li għandna lejn xulxin, minn kif nirrelataw ma’ xulxin, minn kif inħarsu lejn xulxin, minn kif inkellmu lil xulxin, minn kif ngħinu lil xulxin, minn kif naħfru lil xulxin, minn kif insostnu lil xulxin. Din hi l-karatteristika tan-Nisrani. Mhijiex waħda mill-ħafna. Le! Għal Ġesù hi l-aktar waħda importanti.

“Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin” (Ġw 13:34): hekk smajna żewgt iĦdud ilu. Jekk tiftakru llum l-Evanġelju beda: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin” (15:12), u jispiċċa: “Dan hu li nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin” (v. 17). Interessanti, għax għalkemm jissejjaħ kmandament, imma li nħobbu lil xulxin fil-fatt mhux kmandament kif is-soltu nifhmuh. Il-kelma użata fl-oriġinal mhix kmandament, imma tista’ tfisser: l-iktar ħaġa li għandu bżonn il-bniedem, dak li jimmira għalih kull wieħed u kull waħda minna.

Mela mhux piż, mhux impożizzjoni, imma hi r-realtà li hemm fil-fond tal-qalb tiegħi, tal-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Jekk hawn Knisja, jekk hawn saċerdoti, jekk illum qegħdin hawn biex niċċelebraw Ordinazzjoni, qegħdin sempliċiment ngħinu lill-komunità Nisranija tikber f’din il-karatteristika partikolari: il-karatteristika tal-imħabba. Gabriel ser ikun wieħed mill-bennejja tal-komunjoni. Aħna msejħin ilkoll kemm aħna, kull wieħed minna s-saċerdoti, biex inkunu bennejja ta’ komunjoni.

Din il-kelma, bennejja ta’ komunjoni, għandha ħafna konsegwenzi. Kif inkunu bennejja ta’ komunjoni? L-ewwel u qabel kollox qalhulna Ġesù. Kif ser inħobbu? “Kif ħabbejtkom jien” (v. 12). Xi jfisser dan? Li nissallbu lkoll kemm aħna għal ħaddieħor? Iva, ukoll; imma qabel hemm bżonn ta’ xi ħaġa iktar fundamentali, iktar importanti. Liema hi din, u x’inhi? Li jien nagħraf, li jien nagħmel esperjenza, li ninduna li Ġesù jħobbni tant li miet għalija; li jħobbni bi mħabba li m’hemmx oħra ikbar minnha… lili, lilek, lil kull wieħed u kull waħda minna li qegħdin hawn ġew illejla, b’mod speċjali lilna s-saċerdoti.

Kif nistgħu nagħmlu esperjenza kontinwa – aħna s-saċerdoti u intom magħna, imma l-ewwel aħna – ta’ din l-imħabba infinita li Ġesù għandu għalina. Jgħidilna: “Jekk tħarsu kelmti” (14:23). Faċli biex nifhmuha. Inti kif taf li r-raġel tiegħek jew il-mara tiegħek tħobbok? Jekk titkellem, tgħidilha u terġa’ tgħidilha, u qisek ma għidt xejn, inti x’tikkonkludi? Imma jekk inti tgħid, u kull kelma li tgħid tiġi maqbuda, tiġi reċepita, tiġi mismugħa, u tiġi mwettqa mill-persuna l-oħra, inti x’tikkonkludi? ‘Jien importanti għall-persuna l-oħra; jien importanti għar-raġel tiegħi; jien importanti għall-mara tiegħi’. Mela nafu kemm inħobbu lil xulxin minn kemm nisimgħu.

Kif nistgħu nsiru nafu li Alla jħobbna tassew? Minn kemm nisimgħuh, minn kemm nisimgħu l-Kelma tiegħu. Meta nisimgħuh ikellimna tassew, ilkoll kemm aħna naslu għal konklużjoni waħda: aħna tassew maħbubin. B’din l-imħabba x’ser nagħmlu? Inħaddmuha ma’ xulxin, l-ewwel u qabel kollox aħna s-saċerdoti. Il-fraternità saċerdotali: li nkunu bennejja tal-komunjoni ta’ bejnietna, l-ewwel u qabel kollox. Imbagħad ngħinu, hemm fejn inkunu qegħdin naħdmu, fir-realtajiet, fil-parroċċi, fir-realtà tad-dinja, fuq ix-xogħol, bejn il-ħbieb, hemm fejn jiltaqgħu n-nies… inkunu bennejja ta’ komunjoni, bennejja ta’ komunità.

Ikompli Ġesù: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja; sejjaħtilkom ħbieb” (15:15). X’inhi d-differenza bejn qaddej u ħabib? Qaddej għandu x’jaqsam ma’ sid, ħabib għandu x’jaqsam ma’ ħabib. Nifhmuha d-differenza, ma rridux għerf kbir biex nindunaw li Ġesù qiegħed jittrattana fuq l-istess livell tiegħu: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja; sejjaħtilkom ħbieb”. Din il-ħbiberija, din id-dinamika ta’ ugwaljanza u ta’ komunjoni bejnietna, irridu nħaddmuha fil-prattika: fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fid-diskussjonijiet tagħna, fil-mod ta’ kif niddeċiedu, fil-mod ta’ kif inħarsu u naraw il-Knisja ’l quddiem – is-Sinodalità, flimkien.

Ġesù jkompli: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (15:16). Aħna mingħalina li qegħdin hawn għax iddeċidejna li niġu hawn illejla. Le! Irriflettu naqra: aħna qegħdin hawn għax xi ħadd sejħilna, għax xi ħadd kien qabilna, xi ħadd ħabbna mingħajr ma ndunajna. Aħna Kristjani mhux għax għażilna aħna, imma għax Hu ħa grazzja magħna, għażilna biex nisimgħu l-Kelma tal-imħabba tiegħu, inħobbu lil xulxin u lill-oħrajn. Dan hu l-frott: “Biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’” (v. 16). Dan il-frott jibqa’ ma jsaddadx, ma jittikilx mill-kamla (ara Mt 6:20). Dan il-frott ma jispiċċax, bħalma jispiċċaw il-flus u l-ġid tad-dinja. Dan il-frott jibqa’. Kemm hawn nies li għandhom il-bwiet mimlija bil-flus, il-kontijiet tal-bank mimlijin, imma vojta fil-qalb! Kemm hawn nies minn dawn! Għax x’jimlieh lill-bniedem? Mhux il-ġid, imma l-imħabba, il-persuni mdawrin miegħu. Din hi l-imħabba kif jifhimha Ġesù: imħabba li tagħti lilha nfisha.

Ejjew nitolbu lill-Mulej illejla għal Gabriel b’mod partikolari; imma mhux għalih biss, imma għalina lkoll. Aħna qed ngħixu fi żmien fejn ngħidu: ‘M’hawnx vokazzjonijiet’. Tifhmunix ħażin: m’hawnx vokazzjonijiet mhux għas-saċerdozju jew għall-ħajja reliġjuża; m’hawnx vokazzjonijiet lanqas għaż-żwieġ. Naħseb ilkoll kemm intom qrajtuha l-istatistika li ħarġet f’dawn il-ġranet: Malta hija l-iktar pajjiż fl-Ewropa fejn l-inqas li jiddivorzjaw, veru; imma wkoll l-inqas pajjiż li jiżżewġu fl-Ewropa.

X’jiġifieri vokazzjoni? Tgħix il-ħajja tiegħek bħala sejħa u tweġiba; tgħix il-ħajja tiegħek fi djalogu. Ma tgħixx il-ħajja tiegħek waħdek, qisek teżisti inti biss; ma tgħixx il-ħajja tiegħek b’sens kbir ta’ awtosuffiċjenza – int biżżejjed għalik innifsek, mingħalik. Sadattant qed jiżdied id-dwejjaq, qed tiżdied id-depressjoni, qed jiżdiedu s-suwiċidji, qed jiżdied l-inkwiet fil-qalb.

Ejjew nemmnuh lil Ġesù, għax dan hu li għandna bżonn, kmandament li mhux ġej minn barra: “Ħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien” (v. 12). Mhux ġej minn barra, imma kmandament li qiegħed fil-qalb tagħna, huwa l-iskop ta’ ħajjitna. Interessanti l-kelma li tintuża bil-Grieg: en tele, en telos – l-iskop. Aħna nfittxu dan f’ħajjitna.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex ilkoll kemm aħna nagħrfu li msejħin biex inħobbu tassew lil xulxin. Ejjew nitolbu lill-Mulej biex qabelxejn ngħixu kull Ewkaristija bħal din tal-lejla, bħala att ta’ mħabba sħiħa li hu għandu għalina. L-imħabba agape, l-imħabba li biha Ġesù jagħti ħajtu għalina: “Ħu, kul, dan hu Ġismi”; “Ħu, ixrob, dan Demmi”. Ejjew aħna, li ngħiduha kuljum fil-quddiesa, nippruvaw nagħmluha konkreta, prattika, vera fil-ħajja tagħna; ma’ xulxin l-ewwel, imbagħad man-nies li niltaqgħu magħhom. U jiġu l-vokazzjonijiet! U l-ħajja terġa’ ssir djalogu! Ma tibqax manologu awtosuffiċjenti, ta’ egoċentriżmu u narċisiżmu. Il-Mulej jagħtina, ilkoll kemm aħna, li llejla nġeddu fina x-xewqa li nħossu l-imħabba li hu għandu għalina, biex ngħixuha flimkien, u ngħixuha ma’ dawk li jlaqqagħna magħhom, b’mod speċjali ma’ dawk li għandhom l-iktar bżonn, dawk li huma fl-aħħar, il-batuti.

Leave a Reply

%d bloggers like this: