Il-Ħamis, il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-parteċipanti fil-Konferenza tal-Grupp Santa Marta, hekk kif temmew il-laqgħa tagħhom ta’ tlett ijiem dwar it-traffikar tal-bnedmin fl-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenzi Soċjali fil-Casona Pio IV tal-Vatikan.
Il-grupp, immexxi mill-Kardinal Vincent Nichols, Arċisqof ta’ Westminster, ġie stabbilit fl-2014 biex jaħdem iktar mill-qrib dwar inizjattivi kontra t-traffikar bejn il-Knisja Kattolika u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi madwar id-dinja, hekk kif din il-pjaga qed tkompli tikber, fejn għadd akbar ta’ nies vulnerabbli qed jispiċċaw taħt il-mira ta’ organizzazzjonijiet kriminali.
Minn dak l-ewwel avveniment li sar f’April 2014, kapijiet tal-puluzija, mexxejja tas-soċjetà ċivili, isqfijiet, u sorijiet reliġjużi ltaqgħu regolarment biex jaqsmu esperjenzi u prattiċi tajbin. Huma jfittxu wkoll li jsaħħu l-kooperazzjoni fuq livel internazzjonali, nazzjonali u lokali sabiex itejbu u jinfurzaw aħjar il-liġijiet eżistenti kontra t-traffikar tal-bnedmin, li l-Papa Franġisku ddeskriva “delitt kontra l-umanità” u “ferita fuq il-ġisem ta’ Kristu”.
Waqt li indirizza lill-parteċipanti, l-Papa rringrazzja għal darb’oħra lill-Grupp Santa Marta għall-impenn kontinwu tagħhom biex ifittxu li tinqered din l-attività kriminali “li tkisser id-dinjità u d-drittijiet tal-irġiel, nisa u tfal u tħalli effetti fit-tul fuq il-vittmi individwali u fuq is-soċjetà inġenerali”. Huwa nnota li forom moderni ta’ skjavitù qed ikomplu jinfirxu, anke fl-aktar żoni żviluppati tad-dinja tagħna.
Il-Papa Franġisku esprima wkoll it-tama li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tqis aktar l-għadd usa’ ta’ realtajiet, fosthom “l-użu responsabbli tat-teknoloġija u l-midja soċjali, kif ukoll il-ħtieġa ta’ tiġdied tal-viżjoni etika tal-ħajja politika, ekonomika u soċjali tagħna, li tkun iċċentrata mhux fuq il-profitt imma fuq il-persuni.”
Il-Qdusija Tiegħu temm billi saħaq fuq il-ħtieġa essenzjali “li nappoġġjaw, nakkumpanjaw u nintegraw mill-ġdid lill-vittmi”, u li “ngħinuhom fil-proċess ta’ fejqan u li jiksbu mill-ġdid l-istima tagħhom infushom”. “Għalkemm il-kompitu huwa tassew skoraġġanti, inħeġġiġkom tipperseveraw fl-isforzi tagħkom biex iżommu d-dinjità mogħtija minn Alla ta’ kull persuna u tiddefendu d-drittijiet fundamentali tal-bnedmin ta’ dawk li ħafna drabi huma minsija u m’għandhomx vuċi”, temm il-Papa Franġisku. Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-meets-santa-marta-group-and-praises-its-work.html