Il-Papa jappella għall-fraternità ‘bejnietna u mal-ħolqien’

Print Friendly, PDF & Email

Nhar is-Sibt, il-Papa Franġisku faħħar lill-parteċipanti f’konferenza internazzjonali dwar il-ħarsien tal-bijodiversità, u qal li l-impenn tagħhom “isaħħaħ id-djalogu urġenti u responsabbli dwar il-futur tal-pjaneta”. Il-Qdusija Tiegħu, qal lit-tema tal-konferenza – “N-Natura f’moħħna: Kultura Ġdida tan-Natura għall-Ħarsien tal-Bijodiversità” – ifakkar il-meravilja ta’ San Bonaventura, li “jistidinna niskopru t-Traxxendenti permezz tas-sbuħija tan-natura”.

Il-Papa kompla jgħid li kif nistgħu naraw lil Alla fin-natura, hekk il-bnedmin jistgħu jsibu t-twettiq “billi jegħlbu l-egoiżmu u jgawdu sbuħija komuni”.

“Din ir-rabta dinamika bejn il-Ħallieq, il-ħlejqa umana, u ħlejjaq oħra hija alleanza li ma tistax tinkiser mingħajr ħsara irrimedjabbli”.

Fi żmienna, kompla, “m’għandniex bżonn erojiżmu kbir, imma għaqda ħelwa u paċenzjuża bejnietna u mal-ħolqien”. Dan jeħtieġ li “nidentifikaw mudelli ta’ tagħlim ġodda”, li jistgħu jwasslu l-għan li jinħoloq djalogu bejn tipi differenti ta’ għarfien u li “jikkontribwixxu għall-bini ta’ kultura ta’ ħarsien”.

Kultura bħal din, qal il-Papa, hija marbuta ma’ edukazzjoni inklusiva bbażata fuq “il-pilastri integrali tal-ekoloġija”. Il-Papa Franġisku insista, “Jeħtieġ li nkunu kreattivi u miftuħa għal itinerarji ġodda, aktar integrati, f’rabta diretta man-nies, fil-kuntest tagħhom”, sabiex nippromwovu żvillup tassew sostenibbli”.

Il-Papa Franġisku tenna, li dawn l-isforzi jridu jkun appoġġjati minn edukazzjoni li tenfasizza l-ħarsien tal-ħolqien: “Aħna lkoll imsejħa biex nibnu l-‘villaġġ globali tal-ħarsien’, biex niffurmaw netwerk ta’ relazzjonijiet umani li jirrifjutaw kull forma ta’ diskriminazzjoni, vjolenza u logħob bil-kliem,” qal il-Papa, u żied, “F’dan il-‘villaġġ’ tagħna, l-edukazzjoni ssir messaġġiera ta’ fraternità u tiġġenera l-paċi bejn il-popli kif ukoll djalogu bejn ir-reliġjonijiet”.

Il-Papa Franġisku temm ir-rimarki tiegħu billi esprima l-apprezzament tiegħu għall-impenn ta’ kuljum ta’ dawk li qed jieħdu sehem fil-konferenza u ħeġġiġhom biex ikomplu “b’kuraġġ” fl-impenn tagħhom.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-calls-for-fraternity-among-ourselves-and-with-creation.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: