Il-Papa jniedi ‘Scholas International’, jgħid li l-bniet iridu jiġu edukati

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku ħa l-opportunità ta’ atmosfera festiva u mużikali biex iniedi l-Fondazzjoni Pontifikali internazzjonali ‘Scholas Occurrentes’ b’appelli qawwija għall-edukazzjoni tal-bniet u l-ħarsien tal-ambjent. Din l-attività saret il-Ħamis filgħaxija, fl-Università Pontifiċja Urbana, magħrufa bħala l-Urbaniana, li tinsab ftit passi l-bogħod minn Pjazza San Pietru.

Mill-bidu tagħha, ‘Scholas’ saret netwerk dinji ta’ skejjel li jaqsmu l-assi, b’għanijiet komuni u attenzjoni speċjali għal dawk l-aktar fil-bżonn. L-għeruq ta’ ‘Scholas Occurrentes’ jinsabu fi proġetti edukattivi maħluqa għat-tfal f’żoni fqar fil-belt ta’ Buenos Aires, fuq inizjattiva ta’ dak iż-żmien tal-Kardinal Jorge Mario Bergoglio, li llum huwa l-Papa Franġisku.

Bono Vox, il-kantant magħruf tal-grupp mużikali U2, kien il-mistieden ċelebri f’din it-tnedija. Waqt din l-okkażjoni, hu u l-Qdusija Tiegħu saħqu fuq l-importanza tal-edukazzjoni tal-bniet. Bono qal li, “l-edukazzjoni tal-bniet, hija superpotenza biex tiġġieled il-faqar estrem, u nixtieq nistaqsi lill-Qdusija Tiegħu jekk jaħsibx lin-nisa u l-bniet għandhom l-istess rwol importanti biex ibiddlu d-dinja u t-tibdil fil-klima.” Il-Papa Franġisku bi tbissima qalu: “aħna nitkellmu fuq id-Dinja Omm u mhux id-Dinja Missier”.

Waqt il-laqgħa mal-istudenti, tħabbar ukoll li se ssir partita oħra tal-futbol għall-paċi b’tifkira tal-mibki Diego Armando Maradona, leġġenda tal-futbol magħrufa mad-dinja kollha. L-partita se ssir fl-10 ta’ Ottubru, fl-istadju Olimpiku ta’ Ruma.

Waqt il-laqgħa, żagħżugħ staqsa kif ‘Scholas’ għandha tgħin biex timplimenta ‘Laudato sí’ fid-dinja. Il-Papa qal, li biex ‘Laudato sí’ jkollha qawwa reali, hemm bżonn il-poeżija, flimkien ma li tieħu r-riskji u tiġġieled id-diffikultajiet li tiffaċċja. “Titgħallem billi tikkontempla n-natura, u permezz tat-taħbit” qal il-Papa. Huwa nnota kif in-nisa u l-iskola jistgħu jkunu qawwija ħafna fil-protezzjoni tad-Dar Komuni tagħna. “Li tiddefendi n-natura”, qal, “hu li tiddefendi l-poeżija tal-Ħolqien”. Huwa ħeġġeġ wkoll liż-żgħażagħ biex jiddefendu u jissieltu għall-armonija.

“In-nisa jafu aktar dwar l-armonija milli aħna l-irġiel. U ‘Scholas’, organizzata b’dan il-mod, ma’ din l-għaqda ta’ bejnietkom, għandha l-kapaċità li toħloq poeżija u li ġġib bidla”. L-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-istudenti żgħażagħ biex jieħdu azzjoni qabel ma jkun tard wisq.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-to-scholas-pursue-your-dreams.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: